Ebola: Se tkompli l-kwarantina d-dar

Fl-Istati Uniti, l-infermiera li rritornat pajjiżha minn Sjerra Leone u kienet miżmuma fi kwarantina minħabba l-Ebola, se tintbagħat id-dar.
Dan hekk kif qed thedded li tħarrek lill-awtoritajiet li qed iżommuha msakkra ġewwa fi New Jersey minkejja li t-testijiet kollha li għamlet irriżultaw fin-negattiv.
Fl-Amerika xi stati, fosthom New York u New Jersey, qed jobbligaw lil dawk kollha li jirritornaw minn pajjiżi mifnija bl-Ebola, biex jagħmlu mill-inqas tliet ġimgħat kwarantina jekk ikunu ġew f’kuntatt ma’ pazjenti bil-virus.
L-infermiera, li qalet li ġiet meqjusa bħala kriminali kemm ilha li daħlet lura l-Istati Uniti nhar il-Ġimgħa, se titwassal fl-istat tagħha Maine permezz ta’ ajruplan privat, biex tonqos kemm jista’ jkun il-possibiltà ta’ kuntatt ma’ persuni oħra.