Ebola, Obeze u Holymary…issa xi jmiss?

Xemx, Jack Daniel, Rodent, Clevege, Holymary, Ebola u Obeze huma wħud mill-ismijiet Maltin li għalkemm mhux soltu nisimgħu, kollha ingħataw lil trabi ġodda fil-passat riċenti.
Sadanittant Apple, Bronx, Dream, North, Pilot u Strummer huma biss uħud mill-ismijiet eċċentriċi li nies ta’ fama internazzjonali ġieli semmew lil uliedhom.
Madanakollu ma jfissirx li ġenituri mhux ta’ fama mhumiex kapaċi joħorġu b’ismijiet uniċi għal uliedhom.
Trid u ma tridx in-nies dejjem se jsibu xi jgħidu dwar l-isem ta’ wliedek, issemmihom xi ssemmihom, speċjalment illum li qed ngħixu f’soċjetà b’inqas skrupli u aktar kreattività.
Pero meta tiġik l-ispirazzjoni biex issemmi lil bintek għar-restaurant favorit tiegħek tkun ilħaqt livell ieħor u kummenti tistenna li se tisma’ żgur.
Justin u Jordan Hardon, koppja mir-Renju Unit, iħobbu jmorru jieklu fir-restaurant popolari Olive Garden.
Tant jogħġobhom li marru jieklu kuljum hemmhekk għal seba’ ġimgħat konsekuttivi.
Għalhekk meta kellhom tarbija tawha l-isem Olivia Garton, li meta wieħed jgħidu jinstema' 'Olive Garden' u li sa ċertu punt ġiethom tajba għax hu isem ħelu.
Mal-midja internazzjonali Justin qal li semmew lil binthom hekk biex juru l-aprezzament tagħhom lill-kumpanija li għal ġimgħat sħaħ frankatilhom mijiet ta' liri fuq ikel permezz ta' offerta speċjali.
Madanakollu dan l-isem kien vittma ta’ diversi kummenti ta’ opinjonijiet vasti madwar id-dinja.
L-awtur Trevor Zahra li hu magħruf l-aktar għall-kotba tat-tfal, sostna li “wasal iż-żmien li l-istat jara x’jagħmel biex jipproteġi lit-tfal mir-redikolaġni ta’ ismijiet.”
Inti ġieli ltqajt ma’ ismijiet strambi tat-trabi? X’inhu l-aktar isem stramb li qatt iltqajt miegħu?