​Ebola: L-Awtoritajiet tas-Saħħa javżaw kontra l-ivjaġġar lejn il-Kongo

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħareġ avviż biex jiġi evitat l-ivjaġġar lejn il-postijiet fil-Kongo affetwati bil-virus tal-Ebola.
Fi stqarrija, is-Supretendent qal li ġie kkonfermat każ ġdid tal-Ebola f’żona urbana fil-Kongo, Wangata.
Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) il-wassla tal-Ebola f’żona urbana hija ta’ tħassib.
Is-Supretendent qal li l-awtoritajiet Maltin tas-Saħħa għandhom pjan ta’ kontinġenza għal każijiet bħal dawn.
Jekk wieħed ikollu bżonn iżur postijiet milquta bl-Ebola, qed jiġi rrakkomandat li:

  • Jevita kuntatt dirett ma’ demm jew fluwidi tal-ġisem ta’ xi pazjent, ġisem mejjet, jew oġġetti li forsi huma kontaminati
  • Jevita kuntatt mill-qrib ma’ annimali selvaġġi u l-konsum tal-laħam tagħhom
  • Jevita li jkollu attività sesswali bla protezzjoni
  • Jipprattika l-iġjene kif suppost 

Dawk il-persuni li kienu f’xi żona affettwata għandhom jagħmlu kuntatt mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika fuq 21324086 jekk juru xi sintomi li huma morda f’inqas minn 21 ġurnata mid-data tat-tluq miż-żona. Dawn is-sintomi jinkludu imma mhux limitati għad-deni, uġigħ ta’ ras, u griżmejn jaħarqu.
Ritratt: Reuters