Ebola: Għawdex mhux ippreparat – MUMN

Il-Unjin tal-Infirmiera u l-Qwiebel qalet li m’huwiex minnu li Għawdex huwa wkoll ippreparat f’każ li jitfaċċa l-virus tal-Ebola.
Qalet li jkun aħjar li d-Diviżjoni tas-Saħħa ma joħroġx stqarrijiet li jagħmlu aktar ħsara milli ġid lill-professjoni tal-infirmiera.
L-MUMN qalet li għadu qatt ma sar eżerċizzju dwar kif pazjent li jista’ jkollu l-Ebola jittieħed mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei.
Intqal ukoll li hemm dubju dwar jekk il-Pulizija humiex imħarġa biex jassistu l-infirmiera tal-emerġenza f’din iċ-ċirkustanza.
Il-unjin qalet li rċiviet diversi ilmenti minn infirmiera li allegaw li t-taħriġ li sarilhom f’Għawdex sar mingħajr ingwanti u apparat ieħor ta’ protezzjoni.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt ħabbar li minn għada mistenni jibda’ jasal apparat bħal head hoods u apparat ieħor ta’ protezzjoni għall-infirmiera fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
L-MUMN kompliet tgħid li dan l-apparat għadu m’huwiex għall-użu tal-infirmiera fit-taqsima tal-mard infettiv fi ħdan il-Mater Dei.