Ebda uman ma jista’ jitqies li hu Inkompatibbli mal-Ħajja

Missier jippreżenta lill-Papa Franġisku t-tarbija marida tiegħu

Meta kellem lill-parteċipanti f’Kungress Internazzjonali bit-tema “Yes to Life”, il-Papa Franġisku filwaqt li kkundanna l-“kultura tar-rimi” li tikkundanna  lil xi tfal wara li tittimbrahom bħala li huma “inkompatibbli mal-ħajja”,  iddikjara li ebda uman ma jista’ jitqies li hu Inkompatibbli mal-Ħajja.

Il-Kungress kien organizzat mid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja f’kollaborazzjoni mal-organiżazzjoni “The Heart in ad Drop” u bl-għajnuna tan-Knights of Columbus. Madwar 400 persuna minn 70 pajjiż differenti ħadu sehem fil-Kungress. Dawn kienu qed jirrappreżentaw Konferenzi Episkopali, djoċesijiet, familji, tobba u esperti oħra.

It-tema tal-Kungess kienet: “Iva għall-Ħajja – Nieħdu ħsieb ir-rigal prezzjuż tal-Ħajja”.

Tarbija hi rigal

Il-Papa Franġisku qal li “ebda persuna umana ma qatt jista’ jkun inkompatibbli mal-ħajja, la minħabba età, la minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu u anqas minħabba l-kwalità tal-eżistenza tiegħu”. Kull tarbija li tidħol f’ġuf ta’ mara hi rigal li tibdel l-istorja tal-familja: ta’ omm u missier, tan-nanniet u tal-qraba.  U din it-tarbija għandha bżonn tkun milqugħa, maħbuba u kkurata”.

Il-Papa rrifera għall-avvanzi fit-teknoloġija li jistgħu jiddijanjostikaw xi problem li jkollha tarbija fil-ġuf. Dan jista’ jġib skonfort u disperazzjoni għall-ġenituri – iżda ma jfissirx li l-ħajja għandha tinqered.

“Madankollu hemm xi ħaġa li l-mediċina taf ben tajjeb: tfal li sa mill-ġuf juru kundizzjonijiet patoloġiċi huma pazjenti żgħar li ħafna drabi jistgħu jitfejjqu bil-mediċini u interventi kirurġiċi jew straordinarji u b’hekk inaqqsu l-kawżi ta’ aborti volontarji jew in-nuqqas ta’ kura fit-twelid ta’ tant persuni b’kundizzjonijiet patoloġiċi serji,” qal il-Papa.

Riżultati sorprendenti

Huwa sostna li “t-terapiji fuq il-fetu u l-kura ta’ qabel it-twelid jistgħu jagħtu riżultati sorprendenti u jipprovdu għajnuna essenzjali lil familji biex jaċċettaw it-twelid ta’ tarbija marida.”

Il-Papa għamilja ċara daqs il-kristall li taħt ebda ċirkostanza, l-abort m’hu aċċettabbli: “Madankollu it-tagħlim tal-Knisja dwar dan hu ċar: il-ħajja umana hi sagra u invjolabbli u l-użu tad-dijanjosi qabel it-twelid biex ikun magħżul min jgħix jew le hi skoraġġita għax hi mentalità inumana, li ċċaħħad lill-familja mill-possibiltà li jkollha, tgħannaq u tħobb lit-tfal dgħajfin.”