Ebda uffiċjal tal-Vatikan involut fl-attentat ta’ importazzjoni ta’ droga fl-Italja

Żewġt irġiel Taljani ġew arrestati mill-Pulizija f’Lyon huma u jippruvaw idaħħlu erba’ kilogrammi kokaina fl-Italja f’karozza bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-Vatikan.
Patri Federico Lombardi, il-kelliem tas-Santa Sede, ikkonferma l-inċident filwaqt li saħaq li ebda ħaddiem jew membru tal-Vatikan ma kien involut.
L-irġiel, li isimhom ma xxandarx, għandhom 41 u 30 sena. Inqabdu b’erba’ kilogrammi kokaina u b’150 gramma kannabis fil-karozza.
Minkejja li l-karozza hi rreġistrata fuq Kardinal Arġentin ta’ 91 sena, Jorge Mejia, jidher li ż-żewġt irġiel ġew fil-pussess tal-karozza meta s-segretarju tal-Kardinal għaddihielhom biex jeħduha għas-service.
Minflok, jidher li approfittaw irwieħhom u marru lejn Spanja biex jixtru kunsinna ta’ droga. Mir-rikostruzzjoni ta’ dak li seħħ, jidher li ż-żewġt irġiel kienu qed jittamaw li l-pjanċi tal-Vatikan jippermettulhom jibqgħu għaddejjin mingħajr kontrolli, iżda għarralhom.
Il-Kardinal qiegħed jirkupra minn diffikultajiet f’saħħtu minħabba li sofra attakk tal-qalb.