Ebda titjira kkanċellata minn jew lejn Malta minħabba l-maltemp

Il-maltemp u t-temperaturi kiesħa li hemm bħalissa f’ħafna mill-pajjiżi tal-Ewropa ta’ fuq jidher li sa issa mhux se jaffettwaw titjiriet minn u lejn Malta.
Kelliem għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta serraħ moħħ dawk il-passiġġieri li bi ħsiebhom isiefru minn Malta, u kkonferma ma’ Newsbook li sa issa l-ajruport għadu ma rċieva l-ebda kkkanċellar ta’ titjira.

Imma jekk f’Malta jidher li m’għandiex problemi bit-titjiriet, ma nistgħux ngħidu l-istess għall-pajjiżi oħra. L-ajruport ta’ Stokkolma fin-Norveġja, li suppost għandu jilqa’ ir-rebbieħa tal-Premju Nobel, bħalissa jinsab ipparalizzat minħabba maltempata tas-silġ qalila. F’Helsinki it-temperatura kienet ta’ dsatax-il grad taħt iż-żero u f’Oslo kienet ħmistax-il grad taħt iż-żero.

Minħabba s-silġ ukoll, l-ajruporti ta’ Luton, Stansted u Manchester fl-Ingilterra kellhom xi problemi. L-ajruport ta’ Vnukovo f’Moskow, kull siegħa jrid jagħlaq ir-runway għal 15-il minuta biex din titnaddaf mis-silġ.