Ebda talbiet għall-flus biex jinħeles il-missjunarju maħtuf fin-Niġerja

Fr Pierluigi Maccalli li nħataf fin-Niġer għaxart ijiem ilu

“Ma għandna ebda aħbar dwar Fr Pierluigi. S’issa min ħatfu ma għamel ebda talba”, qal Fr Mauro Armanino tas-Soċjetà tal-Missjonijiet Afrikani, konfratell ta’ Fr Pierluigi Maccalli, il-missjunarju Taljan li nħataf fil-lejl ta’ għaxart ijiem ilu minn Bomoanga, villaġġ 125 kilometru bogħod mill-kapitali tan-Niġerja, Niamey.

“Madankollu, min ħatfu kiseb l-ewwel riżultat: kulħadd, madwar id-dinja qed jitkellem dwar dan il-ħtif,” enfasizza Dun Mauro. “Bil-ħtif ta’ missjunarju mill-Punent, grupp li forsi anqas hu xi grupp kbir, kiseb viżibiltà internazzjonali.”

Hu qal li r-raġunijiet għal dan il-ħtif jistgħu jkunu politiċi. Dan hu xenarju aktar kumpless minn dak tal-gruppi Jihadisti li joperaw bejn il-Mali, Burkina Faso u n-Niġerja.

Bil-Fulani fin-Niġerja, popolazzjoni sħiħa ta’ nomadi li tgħix f’dik imsejħa Faxxa Saheliana li testendi mill-Mali sa l-Etjopja, fl-aħħar snin nibtu sentimenti u ideoloġiji estremisti u f’diversi pajjiżi fosthom in-Niġerja, Burkina Faso, il-Mali u r-Repubblika Ċentrali Afrikana kienu rappurtati diversi każi ta’ vjolenza mwettqa mill-Fulani.

“Ir-radikalizzazzjoni ta’ dawn il-popli hi tort, almenu parzjalment, tad-diffikultajiet ambjentali li jagħmluha ferm diffiċli li wieħed isib ilma u fejn il-merħliet tar-raħħala jsibu x’jieklu,” spjega l-missjunarju.

“Fin-Niġer, kif ukoll fil-Mali, wieħed jista’ jara li r-relazzjonijiet tradizzjonali li kienu jgħaqqdu lill-Fulani ma’ popli oħra bħalma huma t-Touregs, m’għadhomx jeżistu,” jgħid Fr Mauro.

“Dan qed iżid l-instabilità u ma naħsibx li l-militarizzazzjoni li qed issir fil-Mali kif ukoll fin-Niġerja hi l-aħjar soluzzjoni għal dawn il-problemi.” Hu kien qed jirreferi għad-diversi missjonijiet militari mibgħuta minn pajjiżi barranin fil-Mali u fin-Niġerja biex jgħinu fil-ġlieda kontra d-diversi gruppi Jihadisti li hemm fiż-żona.

“Biex jgħinu ħalli jkun hawn stabilizzazzjoni f’dawn iż-żewġ pajjiżi, minflok jibagħtu suldati hemm bżonn li jkun assigurat li r-relazzjonijiet bejn id-diversi popolazzjonijiet jerġgħu jitjiebu. Hu biss billi jinħoloq ambjent ta’ kooperazzjoni bejn l-abitanti ta’ dawn il-pajjiżi, li jistgħu jinkisbu riżultati pożittivi,” temm jgħid il-missjunarju.

Sadattant ħadd għadu ma jaf min ħataf u fejn jinstab Fr Pierluigi Maccalli, jew x’inhuma l-kundizzjonijiet li qed jgħix fihom.