Ebda spezzjoni mill-Awtorità tal-Istandards f’Dar Sant’Anna waqt il-pandemija

Google Maps

Read in English.

Waqt il-pandemija tal-coronavirus ma saret ebda spezzjoni mill-Awtorità tal-Istandards għall-Kura Soċjali fir-residenza tal-anzjani Sant’Anna f’Għawdex.

Din l-informazzjoni ħarġet mis-Social Care Standards Authority fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali. L-informazzjoni nkisbet permezz ta’ Freedom of Information (FOI) request. It-talba għall-informazzjoni kienet titlob għan-numru ta’ spezzjonjiet li saru f’postijiet reġistrati għal servizzi ta’ residenza għall-persuni akbar fl-età bejn Jannar 2019 u Mejju 2020. It-talba għall-informazzjoni ntlaqgħet mill-Awtorità.

Skont l-informazzjoni provduta mill-Awtorità tal-Istandards bejn Diċembru 2019 u Mejju 2020 ma saret ebda spezzjoni f’Dar Sant’Anna f’Għawdex. Din ir-residenza għall-anzjani taqa’ taħt ir-responsabbilità ta’ Steward Health Care. L-Awtorità għamlet żewġ spezzjonijiet fid-dar f’Jannar 2019, żewġ spezzjonijiet fi Frar 2019, u spezzjoni oħra f’Novembru 2019. Il-coronavirus il-ġdid instab fiċ-Ċina f’Diċembru tal-2019 u Malta reġistrat l-ewwel każ f’Marzu tal-2020.

L-Awtorità tal-Istandards għall-Kura Soċjali hija l-għodda tal-Gvern biex tirregola s-servizzi tas-social welfare li jipprovdu aġenziji privati u anke entitajiet pubbliċi. L-istess awtorità hija responsabbli biex tara li dawn il-postijiet iżommu mal-istandards imposti fuqhom.

F’April tal-2020 Steward Malta relokat mas-70 resident li qabel kienu f’Dar Sant’Anna lejn il-lukanda Downtown fir-Rabat, Għawdex. L-Awtorità tal-Istandards għamlet żewġ spezzjonijiet f’din il-lukanda – it-tnejn f’Mejju tal-2020.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lil Steward Health Care, lill-Ministeru għas-Saħħa, u lill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali dwar in-nuqqas ta’ spezzjonijiet fid-Dar Sant’Anna.

Il-mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa:

  1. Għalfejn il-Social Care Standards Authority (SCSA) m’għamlet ebda spezzjoni f’Dar Sant’Anna (Steward, Gozo) tul il-kriżi tal-pandemija tal-coronavirus?
  2. L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin jemmnu li dan huwa xieraq fid-dawl ta’ kemm esperti lokali u internazzjonali tkellmu speċifikament dwar kemm huwa importanti li l-imxija tal-coronavirus tiġi kkontrollata fid-djar tal-anzjani?

“Is-Social Care Standrads Authority ma taqax taħt il-Ministeru għas-Saħħa,” qalet kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa.

Kelliem għall-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali qal lil Newsbook.com.mt li “minħabba l-fatt li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali hija awtonoma, se tkun hi li twieġeb id-domandi”.

Id-Direttur għall-Governanza u Assigurazzjoni tal-SCSA qalet lil Newsbook.com.mt li “Ward Sant’Anna” mhix dar residenzjali tal-anzjani skont Kap. 582 tal-Liġijiet. Qalet li hija ward parti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

“Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 din il-Ward ġiet magħluqa u pazjenti ġew trasferiti fil-komunità,” qalet id-Direttur.

Steward Health Care ma weġibx il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ħareġ rapport tekniku dwar il-faċilitajiet ta’ kura fit-tul. Qal li kien hemm rata għolja ta’ imwiet minħabba l-coronavirus f’residenti f’dawn it-tip ta’ faċilitajiet Ewropej. Qal li dan joffri sfida għall-prevenzjoni tal-mard u l-kontroll f’dawn il-postijiet.

L-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali qalet li wara li għamlet investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-lukanda f’Għawdex li qed tospita l-anzjani fil-perjodu tal-coronavirus, sabet li l-binja hija konformi mar-rekwiżiti għal liċenzja ta’ emerġenza. Fis-17 ta’ April, Steward Health Care ħabbret illi kien sar it-trasferiment ta’ 72 anzjan mir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għad-Downtown Hotel fir-Rabat stess, flimkien mal-impjegati tar-residenza.