“Ebda sigrieti – imħabba u rispett u fuq kollox l-ebda egoiżmu” – Harry u Josephine Zammit Cordina

Awguri lill-attriċi u preżentatriċi Josephine Zammit Cordina u lil żewġha Harry f’okkażjoni tat-63 anniversarju miż-żwieġ tagħhom. Kienu żżewġu bħal-lum il-25 ta’ Awwissu tal-1957.

Iż-żwieġ kien ġie ċċelebrat fil-kappella ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Harry u Josephine għandhom żewġt ulied, Jacqueline u l-attur Henry Zammit Cordina li naraw f’sensiliet bħal Ħbieb u Għedewwa u L-Għarusa. Illum Harry u Josephine huma nanniet u bużnanniet.

Fil-kumment tiegħu Harry qal li ma jeżistu l-ebda sigrieti għas-suċċess fiż-żwieġ. “Imħabba u rispett u fuq kollox l-ebda egoiżmu,” qal hu.

Harry u Josephine it-tnejn li huma huma midħla fil-qasam tax-xandir. Għal bosta snin Harry kien is-segretarju tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir u kien ukoll imexxi l-istazzjon Channel 12.

Il-kast tal-ewwel teleserial bil-Malti F’Baħar Wieħed

Josephine ppreżentat bosta programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni, b’Waltzing Matilda jkun l-aktar programm li kien dam għaddej fil-karriera tagħha u li kien il-ħolqa ta’ pajjiżna mal-kommunita Maltija fl-Awstralja. Rajnieha wkoll bħala attriċi f’sensiliet bħal Undercover, Dejjem Tiegħek Becky, Triq Waħda, Wirt u K.C. kif ukoll kienet fil-cast tas-serje oriġinali ta’ F’Baħar Wieħed. Josephine kienet ukoll ħadmet fl-ewwel film Malti, Il-Ġaġġa, ta’ Mario Philip Azzopardi.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Harry u Josephine f’dan il-jum u għas-snin li ġejjin.