​Ebda rapport lill-Pulizija dwar allegat serq ta’ dokumenti pubbliċi

Ma sar ebda rapport lill-Pulizija dwar allegat serq ta’ dokumenti pubbliċi mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fl-istess waqt, il-bord ta’ inkjesta ma setax ikompli bl-investigazzjonijiet tiegħu hekk kif ma rnexxilux jistabbilixxi l-fatti dwar l-allegat serq ta’ dokumenti.
Dan joħroġ minn tweġiba mogħtija mill-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.
Buttigieg irreferiet għall-artiklu li deher f’ġurnal lokali bl-Ingliz fi Frar li għaddha fejn kien irrapurtat li persuna li kienet taħdem fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani ppreżentat file maħruġ mill-Isptar waqt proċeduri oħra u li din il-persuna mhux suppost kellha dan il-file fil-pussess tagħha. Hija staqsiet dwar min mexxa dawn l-investigazzjonijiet, jekk dawn l-investigazzjonijiet kienux magħluqa u jekk sarx rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw kif inħareġ dan il-file.
Mizzi spjega li l-amministrazzjoni tal-Isptar t’Għawdex, hekk kif saret taf b’dan il-każ fid-29 ta’ Ġunju 2015, ħatret bord ta’ inkjesta.
Il-Ministeu għas-Saħħa qal li l-bord ta’ inkjesta talab lill-avukati tal-persuna li allegatament serqet il-file biex tiritorna d-dokumenti misruqa, u hekk kif “dawn id-dokumenti miktuba qatt ma ntbagħtu” lura, allura “l-bord ma setax jistabilixxi l-fatti”!
Waqt li rrikonoxxa li l-persuna inkwestjoni rreżenjat b’effett immedjat, indika li ma ttieħdu l-ebda passi ulterjuri w l-anqas sar ebda rapport lill-Pulizija, la mill-persuna terza li kienet vittma tal-każ u lanqas mill-amministrazzjoni tal-isptar. Huwa spjega biss li l-amministrazzjoni tal-isptar ħadet passi amministrattivi neċessarji “biex tassigura li l-informazzjoni tkun protetta.”