Ebda raġuni għalfejn il-kuntratt tal-isptarijiet ma jitħassarx minnufih – Delia

PN

Read in English.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li issa ma fadal ebda raġuni għalfejn il-kuntratt tat-tliet sptarijiet ma jitħassarx minnufih.

Fi stqarrija l-Kap Nazzjonalista qal li jum wara l-ieħor qed jibqgħu joħorġu rivelazzjonijiet li jixhdu l-ingann moħbi wara l-ftehim li l-Gvern Laburista għamel mal-Vitals dwar it-tliet sptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech, u dak ta’ Għawdex.

“Dan wara li l-Awditur Ġenerali ppubblika l-Memorandum of Understanding (MOU) li l-Gvern iffirma mal-Vitals fl-10 ta’ Ottubru tal-2014, dokument li kien ilu mitluf għal snin sħaħ, u li jelenka kundizzjonijiet biex Vitals jieħdu t-tmexxija tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Xhur wara l-iffirmar ta’ dan l-MOU, Vitals ingħataw it-tliet sptarijiet fi proċess li l-Awditur Ġenerali ddeskriva bħala wieħed ivvizjat. Quddiem dawn il-konklużjonijiet, Robert Abela issa jrid jiddeċiedi minnufih u jgħaddi l-isptarijiet lura lill-Maltin u ma jibqax għaddej b’din is-serqa ta’ flus il-poplu,” qal Delia.

Delia fakkar kif il-VGH ngħataw kuntratt ta’ €2,000,000,000 biex imexxu tliet sptarijiet għal 90 sena meta qatt ma kellhom esperjenza fil-qasam tas-saħħa.

“Dawn il-konklużjonijiet kollha tal-Awditur Ġenerali jikkonfermaw kif il-Gvern Laburista ftiehem mal-barranin biex jinsterqu l-Maltin, bil-barka tal-Ministri kumpanija barranija tingħata l-miljuni u kull ġurnata qegħdin ninsterqu €250,000, fi prezz qares tal-korruzzjoni,” saħaq Delia.

Żied jgħid li Robert Abela dan kollu jafu għax kien diġa’ hemmhekk meta kien konsulent ta’ Joseph Muscat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kien hemmhekk meta Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd iffirma kuntratt li nagħtu lil Steward Healthcare €100,000,000 jekk dawn ifallu.

Aktar kmieni llum l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li jibqa’ jżomm mal-konklużjonijiet tiegħu dwar il-konċessjoni li l-Gvern ta lil Vitals Global Healthcare. Dan wara li ra l-memorandum ta’ qbil (MOU) li ‘sab’ il-Prim Ministru Robert Abela.