L-ebda rabta ċara bejn il-ftuħ tal-iskejjel u ż-żieda fil-firxa tal-virus – Studju

Iż-żieda fir-rata ta’ każijiet ta’ coronavirus mhix relatata mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’diversi pajjiżi wara l-lockdowns u l-vaganzi tas-sajf – dan kien ir-riżultat ta’ studju li sar f’191 pajjiż madwar id-dinja. Madankollu, l-għeluq minħabba l-lockdown se jħalli “dejn fit-tagħlim ikkawżat mill-pandemija tal-2020” minħabba li ntilfu 300 biljun ġurnata ta’ ġranet l-iskola.

L-analiżi, li saret mill-fondazzjoni għall-edukazzjoni indipendenti Insights for Education li tinsab f’Ġinevra, qalet li 84% minn dawn it-300 biljun jum intilfu minn tfal li jgħixu f’pajjiżi foqra, u ħabbret li 711-il miljun student għadhom ma daħlux lura l-iskola.

“Kien mistenni li l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel kien se jżid ir-rata ta’ infezzjonijiet, u li l-għeluq tal-iskejjel kien se jnaqqas ir-rata ta’ trażmissjoni, imma l-verità hija ħafna aktar kumplessa minn dan,” qalet il-fundatriċi u l-kap eżekuttiv ta’ IfE, Randa Grob-Zakhary.

Il-maġġoranza tal-pajjiżi – 92% – li għaddew mill-ewwel mewġa ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 reġgħu bdew jiftħu l-iskejjel tagħhom, anke fi żmien meta bosta minnhom huma għaddejjin mit-tieni mewġa.

L-istudju tal-IfE sab li 52 pajjiż fejn l-istudenti rritornaw lura l-iskola f’Awwissu u Settembru – inkluż Franza u Spanja – esperjenzaw żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet matul il-perjodu tal-vaganzi, imqabbel mal-perjodu meta dawn kienu magħluqa.

Fir-Renju Unit u l-Ungerija, madankollu, il-livell tal-infezzjoni naqas wara l-għeluq inizjali tal-iskejjel, baqa’ baxx matul il-perjodu tal-vaganzi, u reġa’ beda jiżdied wara li dawn fetħu mill-ġdid.

Analiżi sħiħa ta’ dawn it-52 pajjiż ma sabet l-ebda korrelazzjoni serja bejn l-iskola u l-infezzjonijiet – fatt li jindika li għandhom jitqiesu fatturi oħra, ikkonkluda IfE.

“Il-pass li jmiss huwa li nitgħallmu minn dawk il-pajjiżi li qed jerġgħu jiftħu l-iskejjel b’mod effettiv, f’sitwazzjoni fejn hemm żieda fl-infezzjonjiet,” qalet Grob-Zakhary.

Ir-rapport qal li 44 pajjiż żammew l-iskejjel tagħhom magħluqa.

Instab li pajjiżi qed jiżviluppaw strateġiji għall-iskejjel matul il-pandemija, inkluż uħud bħall-Italja u Franza, li qed jordnaw l-għeluq temporanju tal-iskejjel skont il-każijiet li jinstabu.

Miżuri oħra jinkludu protokoll dwar maskri, rotazzjonijiet fil-klassijiet u taħlita ta’ tagħlim onlajn ma’ lezzjonijiet fil-klassi.

“Dan l-ewwel test globali reali jenfasizza kif se tkun l-iskola f’dinja fejn ngħixu bil-COVID,” qalet Grob-Zakhary. “Huwa essenzjali li nifhmu x’passi qed jittieħdu mill-pajjiżi li għaddejjin mit-tieni mewġa tal-coronavirus għax dan jista’ jkun ta’ gwida għal deċiżjonijiet futuri dwar il-ftuħ mill-ġdid, u dan se jgħin ukoll biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin.”