Ebda pożizzjoni finali mis-Sinodu s’issa

Il-ħsibijiet kollha msemmija fir-rapport tal-ewwel ġimgħa tas-Sinodu huma biss rijassunt ta’ dak li ntqal, u mhux pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja.
Dawn il-ħsibijiet iridu jiġu diskussi fiċ-ċirkli ż-żgħar li qed jiltaqgħu din il-ġimgħa u l-pożizzjonijiet jitħabbru iktar tard.
Rijassunt ieħor se jiġi ppubblikat nhar il-Ħamis, u anke f’dan il-każ, il-pożizzjoni mhix se tkun waħda finali.
Il-Kelliem tas-Santa Sede, Patri Federico Lombardi, qal dan fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum dwar l-aħħar sessjonijiet tas-Sinodu.
Dan intqal bħala reazzjoni għal artikli li dehru fil-midja internazzjonali li interpretaw ħażin partijiet minn dak li ntqal fir-rapporti.
Enfasizzaw li bl-ebda mod, dak li ntqal fis-Sinodu mhu xi pożizzjoni tal-Papa imma għad fadal ħafna xogħol xi jsir qabel tittieħed il-pożizzjoni finali.
Il-ħsieb tas-Sinodu hu li jasal għal pożizzjoni pożittiva dwar il-familja li tħares 'il quddiem.