“Ebda persuna ma għandha tqis lilha nfisha bħala qabar vojt” – L-Isqof Mario Grech

L-Isqof Mario Grech qal li minkejja l-fallimenti u d-disfatti li jkollna fil-ħajja, ebda persuna ma għandha tqis lilha nfisha bħala qabar vojt u qatt ma għandha taqta’ qalbha.
Mons. Grech qal li bħall-qabar vojt tal-ġnien fejn difnu lil Kristu, kull persuna li tħalli l-imħabba t’Alla taħdem fiha, tista’ ssir riżorsa ta’ enerġija sinifikattiva, ukoll jekk tkun għaddiet minn disfatta spiritwali.
Qal li ħadd ma jieħu gost bid-disfatti, imma dawn huma parti mill-istorja ta’ ħajjitna.
Żied jgħid li meta l-bniedem jasal biex jara biss dak li huwa negattiv, meta l-istess soċjetà titlef kull tama fil-bniedem u fl-istess istituzzjonijiet tagħha, ikollna verament għalfejn nitħassbu.
Fakkar kif meta Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni marru fuq il-Qabar ta’ Ġesù u sabuh vojt, qabdithom il-biża’  u l-insigurtà.
Spjega li l-folja nqalbet wara li dwiet mill-ġdid il-vuċi ta’ Kristu Rxoxt, meta d-dixxipli semgħuh jgħidilhom “Il-Paċi magħkom”.
Qal li dak li għalihom klien bla ebda tifsira, minnu bdiet ġrajja li tagħti sinifikat lill-istess storja għax dak li qabel kien mudlam, seħħet fih splużjoni ta’ dawl.
Mons. Grech qal li l-esperjenza ta’ dawn ix-xhieda fl-ewwel Għid tgħidilna li fil-ħajja ma hemmx oqbra vojta.
Qal li qabar vojt qatt mhu vojt għalkollox, anzi dak li fl-apparenza jidher li huwa qabar vojt, jista’ jkun fih enerġija qawwija.
Saħaq li għalhekk dawk il-persuni jew sitwazzjonijiet li aħna nkunu ġġudikajniehom bħala oqbra vojta, jistgħu jkunu teżor moħbi.
Fil-ħsieb tiegħu f’Sibt il-Għid, Mons. Grech qal li din hija d-differenza enormi li l-Għid jagħmel f’ħajjitna: li quddiem qabar vojt wieħed ma jiqafx jaħseb fil-ġisem mejjet li kien midfun, imma li hemm persuna li kienet mejta imma rxuxtat.
Mons. Grech qal li l-kelma Irxoxt tgħinna naraw il-ħajja fejn hemm il-mewt, ma niqfux fuq dak li jidher imma napprezzaw il-potenzjal moħbi ta’ dak li jkun, inkunu kostruttivi u mhux distruttivi, inklussivi u mhux esklussivi.
Ritrattt: Joe Grech