Ebda Ordni tal-Ħarsien għat-tfal Ġermaniżi misjuba f’Marsalforn

Ma nħarġet ebda Ordni għall-Ħarsien (care order) għat-tliet itfal Ġermaniżi rrappurtati neqsin f’pajjiżhom u misjuba f’Marsalforn f’Ġunju, wara li wieħed minnhom instab jilgħab waħdu f’għalqa.
Il-Qorti ħarġet Ordni tal-Qorti temporanju biex it-tlett itfal – Jaydan u Jeremias Albrecht u Julia Wiedekind – jiġu afdati fil-kura ta’ Aġenzija Appoġġ biex jiġi vverifikat min kellu l-kura u l-kustodja legali tat-tfal. Il-Pulizija kienet akkużat lill-omm it-tifel misjub f'għalqa b'abbandun
Il-Ministru għall-Familja Michael Farrugia qal dan fi tweġibiet għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari dwar dan il-każ, tad-deputat Nazzjonalista Clyde Puli.
Dwar in-nuqqas ta’ Ordni għall-Ħarsien, il-Ministru qal li din ma nħarġitx –lanqas fuq bażi temporanja – minħabba l-fatt li l-ħaddiema soċjali u l-Pulizija kienu qed jistennew li l-awtoritajiet Ġermaniżi jieħdu l-passi meħtieġa biex jirripatrijaw lit-tfal ftit ġranet wara, kif ukoll peress li ħadd mill-awtoritajiet ma kellhom informazzjoni negattiva fuq il-kura tal-minuri għajr li wieħed minnhom instab waħdu f’għalqa u li t-tfal kienu rreġistrati nieqsa minn pajjiżhom.
Michael Farrugia qal li bħalissa diversi dipartimenti tal-Gvern qed jevalwaw loopholes fis-sistema dwar dħul u ħruġ ta’ minuri mill-pajjiż, b’mod partikolari f’dawk li jikkonċernaw pajjiżi miż-żona Shengen. Spjega li l-Aġenzija Appoġġ talbet lill-awtoritajiet l-oħra, inkluż lill-Pulizija, biex jinvestigaw kif it-tfal inħarġu minn Malta, u fil-fatt għaddejja investigazzjoni dwar dan. Speċifika li dan ma sarx b’negliġenza min-naħa ta’ impjegati tal-Aġenzija Appoġġ.
Spjega wkoll li l-ewwel talba uffiċċjali mill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar it-tfal waslet Malta fl-20 ta’ Ġunju iżda kien hemm numru ta’ dokumenti neqsin jew  b’informazzjoni ħażina “li baqgħu jipposponu l-applikazzjoni mal-Qorti għar-ritorn tal-minuri lejn il-Ġermanja”. Id-dipartimenti Maltin kellhom l-informazzjoni kollha f’idejhom fis-7 ta’ Lulju iżda t-tfal kienu diġà nħarġu mill-pajjiż.