​Ebda obbligu mill-Enemalta li tixtri l-elettriku mill-powerstation ġdida

Il-Ministru tal-Enerġija kkonferma l-mira tal-Gvern, li sa Ġunju tas-sena d-dieħla l-powerstation f’Delimara tkun taħdem bil-gass.
Waqt li spjega li bil-ftehim ta’ Shanghai Electric Power, l-Enemalta issa se titmexxa bħal kull kumpanija privata oħra, il-korporazzjoni ma ġietx ipprivatizzata għax il-maġġoranza tal-ishma ma nbiegħux.
Spjega li bil-kuntratt iffirmat fit-12 ta’ Diċembru, il-Gvern laħaq il-mira tiegħu li jgħaddu €250 miljun fil-kontijiet bankarji Maltin sal-aħħar tas-sena.
Fost dettalji ġodda, il-Ministru semma li l-Gvern m’għandu ebda obbligu ta’ xiri minimu mill-powerstation biex ikun jista’ jibqa’ jagħżel hu minn fejn jaqbillu jixtri l-elettriku. Se jitħaddem mekkaniżmu li kuljum il-Gvern jara min fejn ikun jaqbillu jixtri ż-żejt.
Dwar il-prezz internazzjonali taż-żejt u dak tal-fuels f’Malta, Konrad Mizzi qal li fi ftit żmien ieħor dawn se jorħsu għax il-ftehim eżistenti dwar hedging se jiskadu.
Spjega wkoll li b’riżultat tal-ftehim ma’ Shanghai Electric, ġiet iffurmata l-kumpanija li se tinvesti fl-enerġija alternattiva u ġiet irreġistrata mal-awtoritajiet konċernati. Din mistennija tidħol fi proġetti f’pajjiżi barranin fosthom fl-Italja u l-Ġermanja. 70% tal-kumpanija hi ta’ Shanghai Electric Power, li se toħroġ il-finanzjament meħtieġ, waqt li t-30% l-oħra huma s-sehem tal-Enemalta.
Konrad Mizzi fakkar li l-ftehim mas-sieħeb Ċiniż hu wieħed storiku li bih l-Enemalta qed titpoġġa fuq sisien sodi.