L-ebda student f’Għawdex ma ntbagħat id-dar għax ma marrux l-LSEs – Bonnici

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li m’hemm l-ebda lista li turi li t-tfal ntbagħtu d-dar minħabba li l-LSEs ma marrux skola f’Għawdex.

Il-Ministru qal li fl-iskejjel m’hemm l-ebda policy jew direzzjoni li tgħid li t-tfal għandhom jintbagħtu d-dar jekk l-LSE ma tirraportax għax-xogħol u żied li l-iskola tagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex dan ma jiġrix.

Il-Ministru Bonnici fil-Parlament qal li l-Gvern għandu l-pjan li jkompli bil-prassi ta’ reliever Learning Support Educators (LSEs) f’Għawdex.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar.

Cutajar staqsa jekk għas-sena skolastika li ġejja, il-Gvern hux qed jikkonsidra joħloq pool ta’ reliever Learning Support Educators (LSEs) f’ Għawdex. Staqsa wkoll kemm tfal intbagħtu lura d-dar mill-iskola, tul is-sena skolastika li għaddiet minħabba li l-LSE  tagħhom ma rraportax għax-xogħol.