Ebda kwarantina għall-persuni li jivvjaġġaw minn Malta u 14-il pajjiż ieħor lejn l-Irlanda

REUTERS/Jason Cairnduff/File Photo

Read in English.

Il-Gvern Irlandiż ħabbar li persuni li jivvjaġġaw minn Malta lejn l-Irlanda mhux se jkollhom għalfejn jibqgħu josservaw kwarantina ta’ ħmistax malli jaslu fil-pajjiż. Dan hekk kif il-Gvern ta’ Dublin identifika lista ta’ 15-il pajjiż Ewropew, li appuntu tinkludi lil Malta, li għalihom mhux se jkun hemm restrizzjonijiet fi-moviment.

L-Irlanda, li għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta’ infezzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, b’madwar 5 każijiet kull 100,000 persuna fl-aħħar ħmistax, qalet li kienet se tneħħi din ir-restrizzjoni għall-persuni li ġejjin minn pajjiżi b’rata ta’ infezzjoni simili jew aktar baxxa.

Din il-lista tinkludi l-passiġġieri li jaslu minn Malta, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Italja, l-Ungerija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Ċipru, Slovakkja, il-Greċja, Greenland, Ġibiltà, Monako u San Marino.

Il-passiġġieri mill-pajjiżi l-oħra kollha, inkluż kemm mill-Istati Uniti u saħanistra l-ġirien mir-Renju Unit, se jibqgħu jintalbu josservaw kwarantina ta’ ħmistax.

Din il-lista se tiġi riveduta kull ħmistax skont pariri minn esperti tas-saħħa pubblika tal-pajjiż.