Ebda każi ġodda minn 1,085 test

Miguela Xuereb

Read in English.

Malta ma rreġistrat ebda każi ġodda ta’ coronavirus fl-aħħar 24 siegħa.

Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa li qal ukoll li saru 1,085 test fl-aħħar 24 siegħa. Intant ħadd ma fieq u hemm 12-il każ attiv.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qed tappella mill-ġdid għall-kawtela filwaqt li saħqet li l-messaġġ koerenti għandu jkun li wieħed jevita attivitajiet tal-massa, jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ sintomi wieħed iċempel mill-ewwel 111.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, Prof. Gauci saħqet li “irridu nibqgħu naħdmu flimkien għax kulħadd għandu kontribut x’jagħmel. Huwa kruċjali li l-messaġġ  ikun wieħed koerenti u dejjem l-istess biex il-poplu jkun jaf is-sitwazzjoni kif inhi, jieħu l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u josservahom”.

Insistiet li “l-istrateġija tibqa’ dik li nfittxu l-każijiet li possibilment ikunu marbuta ma’ każijiet li nsiru nafu bihom”. B’referenza għall-każ pożittiv li tħabbar ilbieraħ, fejn il-persuna attendiet il-party tal-‘hotel takeover’, Gauci qalet li bdew jinvestigaw dawk li kienu f’kuntatt viċin mal-persuna pożittiva u li dawn immedjatament tpoġġew fi kwarantina biex ma jkunx hemm kuntatt. Il-Professur Gauci ikkonfermat li s-sitt każi tal-aħħar 24 siegħa kienu marbuta mal-każ tal-bieraħ.