Il-Pulizija qed tinvestiga allegat każ ta’ prattiċi korrotti qabel l-elezzjoni

Il-Pulizija qed tinvestiga każ marbut ma' prattiċi korrotti li seħħ fil-ġimgħat ta' qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet.
Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Beppe Fenech Adami.
Farrugia qal li fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Mejju, meta ġiet imħabbra l-elezzjoni, sat-30 ta' Ġunju, ftit jiem qabel l-elezzjoni, il-Pulizija rċeviet 3 rapporti.
Minn investigazzjoni li saret, ma nstab xejn fuq tnejn mill-każi ta' allegat reati ta' prattiċi korrotti.
Il-Ministru kkonferma li l-Pulizija għadha qed tinvestiga wieħed mir-rapporti.
Il-Ħadd li għadda, Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li l-PN waqqaf tim biex jinvestiga kull każ ta’ allegati prattiċi korrotti ta’ xiri ta’ voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  
Bi tweġiba għal mistoqsija separata, il-Ministru Farrugia qal li l-Pulizija ma rċeviet ebda rapport dwar ġuramenti foloz li setgħu ġew meħuda waqt il-votazzjoni fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017.
Għall-mistoqsija tal-istess interpellant, Farrugia qal li l-Pulizija mhux tinvestiga allegazzjonijiet ta’ xiri ta’ voti relatati mal-istess Elezzjoni Ġenerali.