“Ebda informazzjoni soda u rigoruża” dwar il-mina – Kummissjoni Ambjent

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) reġgħet appellat lill-Gvern biex jippubblika l-istudji u l-istħarriġ li għamel dwar l-alternattivi kollha għal aċċessibbiltà aħjar bejn Malta u Għawdex, u liema minn dawn l-alternattivi—waħda jew aktar—toffri/joffru l-aħjar aċċessibbiltà b’mod sostenibbli. Il-KA qalet li l-aċċessibbiltà trid tintqies mil-lat ekonomiku, dak operazzjonali, ambjentali u soċjali.

Il-KA tenniet ukoll it-talba tagħha għal studji li juru l-opportunitajiet ta’ xogħol u investment f’Għawdex li jistgħu jinħolqu permezz ta’ dawn l-alternattivi kif ukoll studji li juru l-fatturi li xorta jżommu investituri milli jinvestu f’Għawdex meta dawn l-alternattivi jkunu twettqu. Il-KA qalet li “…tħoss li ma teżisti l-ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li biha wieħed ikun jista’ jgħarbel l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà titjieb tassew”.

Il-KA qalet li bħalissa,  il-pubbliku qed ikun magħluf b’informazzjoni u asserzjonijiet li mhumiex sostanzjati b’evidenza li hija pubblika. Minkejja l-wegħdiet li saru fl-imgħoddi, l-alternattivi ta’ vapur ieħor għall-Gozo Channel u fast ferry service għadhom ma twettqux, filwaqt li s-servizz ta’ emerġenza ta’ ħelikopter bejn l-isptar ta’ Għawdex u dak ta’ Malta mar lura. “Fin-nuqqas ta’ titjib ta’ servizz eżistenti u/jew introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li ma jirrekjedux investimenti sostanzjali meta mqabbla ma’ mina, bilfors jissaħħu l-argumenti favur mina, meta l-alternattivi la jingħataw iċ-ċans jaraw id-dawl u wisq anqas nilħqu naraw l-effett tagħhom” sostniet il-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-KA tenniet dak li qalet f’Ottubru tal-2013: biex ikun hemm deċiżjoni matura dwar il-proġett finali, il-prezz li wieħed irid iħallas għas-servizz ta’ aċċessibbilità għandu jkun studjat bil-galbu u ppubblikat minn qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ liema alternattiva hija l-aħjar.

Cost-Benefit Analysis meħtieġ

L-aspett ekonomiku wkoll għandu jiġi studjat fid-dettall, qalet il-KA. “Jeħtieġ immorru lil hinn mill-idea li aċċessibbiltà aħjar (tkunx il-mina jew kwalunkwe mezz ieħor) tista’ ssolvi l-problemi kollha ekonomiċi u ta’ investiment f’Għawdex” wissiet il-KA.  Il-KA tistenna li ssir u li tkun ippubblikata b’mod sħiħ Cost–Benefit Analysis tad-diversi alternattivi għall-mina għall-vetturi biss.

Il-KA insistiet li l-proġett ta’ konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer huwa ta’ rilevenza strateġika nazzjonali u għandu dejjem jinħaseb fil-kuntest ta’ titjib tal-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u t-titjib ekonomiku tal-pajjiż kollu. Qalet li l-prinċipju li l-poplu Malti u Għawdxi kollu għandu jkollu aċċess adegwat għas-servizzi amministrattivi, edukattivi, saħħa u trasport b’mod ugwali huwa inaljenabbli u ma jistax jiġi kkundizzjonat mill-preżenza ta’ mezz wieħed ta’ konnettività. Sostniet li l-Pjan Lokali għal Għawdex u l-Pjani Lokali l-oħra tal-pajjiż kollu, li issa ilhom lesti s-snin, għandhom jiġu ppubblikati sabiex kulħadd iserraħ rasu li ż-żoni tal-iżvilupp ma jitwessgħux.

Barra minn dan, il-Gvern għandu jemenda r-Rural Policy and Design Guidance u l-Fuel Stations Policy biex isalva l-kampanja mill-isfreġji li qed isiru minħabba dawn l-istess policies. “Għal kull proġett ta’ aċċessibbiltà bejn il-gżejjer għandu jkun żgurat li jkun hemm l-ogħla livell ta’ trasparenza, valur għall-flus, kompetizzjoni ta’ vera bejn kull min hu interessat li jidħol għall-proġett u fuq kollox li l-proġett ikun sostenibbli minn kull lat ambjentali, soċjali u ekonomiku u mhux ikun wieħed li joħloq iktar problemi milli jippretendi li jkun qed isolvi” qalet il-KA.

il-KA appellat mill-ġdid għall-pubblikazzjoni ta’ studji u riċerka li saru, sabiex l-argumenti li qed jinġiebu jkunu tassew kredibbli u jikkontribwixxu b’mod validu f’diskussjoni pubblika serja u rispettuża fl-interess tal-ġid komuni u tal-aħjar futur għal Malta.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa tal-Kummissjoni Ambjent hawn. 

Tista’ taqra sommarju tal-istqarrija tal-Kummissjoni Ambjent hawn.