Ebda infermier mal-ambulanzi f’każ ta’ Ebola f’Malta

L-infermiera tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei mhux se jakkumpanjaw l-ambulanzi biex jiġbru u jittrattaw persuni suspettati bil-virus tal-Ebola.
Sorsi qrib l-awtoritajiet tas-Saħħa qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-infermiera f’dan id-Dipartiment kienu xxukkjati meta semgħu li f’każ li jfeġġ il-virus fil-pajjiż, se jkunu responsabbli mill-każijiet kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Infurmati li fid-dawl ta’ dan, l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet direttiva li l-infermiera ma jakkumpanjawx l-ambulanzi f’din l-eventwalità. Direttiva oħra hija li la l-infermiera u lanqas il-maniġment tal-Emerġenza ma jattendu għal laqgħat mal-maniġment tal-isptar jew dawk organizzati mit-Taqsima Kontroll u Prevenzjoni ta’ Mard Infettiv.
Dan id-diżgwid affettwa wkoll il-preparamenti u l-pjanijiet għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li sfaxxaw fix-xejn. B’hekk fl-eventwalità ta’ suspett ta’ każ ta’ Ebola f’Għawdex, id-Dipartiment tal-Emerġenza f’Għawdex m’għandux għarfien dwar kif għandu jitratta pazjent. Barra minn hekk, dan wassal ukoll biex it-tagħmir li kellu jasal fl-isptar ta’ Għawdex fit-13 ta’ Ottubru, baqa’ Mater Dei.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta li l-pjan kien li pazjenti Għawdxin suspettati li jkollhom dan il-virus, jinżammu Għawdex temporanjament, u wara li jsiru l-verifiki meħtieġa, il-pazjent jiġi trasferit lejn Malta permezz ta’ ambulanza u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Madanakollu hu mifhum li d-diżgwid fost l-infermiera f’Mater Dei inqala’ minħabba l-fatt li ma aċċettawx li jiġbru pazjenti minn Għawdex biex jeħduhom Mater Dei. Jidher li waħda mir-raġunijiet hi li l-ilbies protettiv huwa insapportabbli biex jintlibes għal tul ta’ ħin.
Id-direttivi mistennija jibqgħu fis-seħħ sakemm tinstab soluzzjoni.