“Ebda indikazzjoni li nħarġet informazzjoni mhux awtorizzata”

Ebda indikazzjoni li nħarġet informazzjoni mhux awtorizzata, la mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u lanqas mill-Uffiċċju tas-Sedja tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Dan qalu l-Ispeaker Anġlu Farrugia f’ruling dwar talba tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Michael Falzon dwar allegat leakage tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni fuq l-hekk imsejjaħ skandlu ta’ Gafferena dwar l-esproprjazzjoni ta’ propjetà fi Triq iż-Żekka, il-Belt Valletta.
Nhar is-Sibt 16 ta’ Jannar, ġurnal lokali bl-Ingliż irrapporta li l-Awditur Ġenerali temm l-investigazzjoni tiegħu u sab nuqqasijiet fil-mod kif saret l-esproprjazzjoni, liema nuqqasijiet jippermettu lill-Gvern jiddikjara l-esproprjazzjoni bħala nulla.
L-Ispeaker qal li mill-investigazzjoni tiegħu, inkluż wara diskussjoni dwar dan mal-Awditur Ġenerali, ma rriżultax li nħarġet xi informazzjoni mhux awtorizzata dwar dan ir-rapport jew dwar id-data meta ġiet iffissata laqgħa bejn l-istess Speaker u l-Awditur Ġenerali. Lanqas ma rriżultà li xi ħadd mill-mezzi tax-xandir avviċina persuni fl-uffiċċji taż-żewġ uffiċċjali jew għamel pressjoni fuqhom.