“Ebda ħjiel jekk is-Sirjani li kienu ġejjin Malta kellhomx mottivi ulterjuri”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li sa issa m’hemm l-ebda informazzjoni dwar jekk iż-żewġ Sirjani li ġew arrestati lbieraħ fl-ajruport ta’ Bergamo fl-Italja, kellhomx mottivi ulterjuri.
Filwaqt li ċaħad rapporti li hemm xi rabta bejn iż-żewġ Sirjani u l-ISIS, Dr Muscat qal li l-każ jinsab f’idejn l-awtoritajiet Taljani.
Spjega li fuq il-mowbajls taż-żewġ arrestati, li għandhom 19 u 30 sena, ma kienx hemm ritratti tal-bandiera tal-ISIS.  Żied jgħid li ritratt fuq wieħed mill-mowbajls kien juri qarib ta’ wieħed mis-Sirjani b’arma tan-nar f’idejh, u li ħa sehem fil-gwerra fis-Sirja.
Skont rapporti li dehru fl-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA, is-Sirjani twaqqfu wara li l-uffiċjali tas-sigurtà kellhom suspetti fuq id-dokumenti u l-passaporti li kellhom. Il-Pulizija kkonfermaw li l-irġiel, li kienu qed iġorru passaport Awstrijak u ieħor Norveġiż ma kienux Ewropej imma Sirjani u kienu qed jitkellmu biss bl-Għarbi.
Dwar il-laqgħa taċ-CHOGM il-ġimgħa d-dieħla, il-Prim Ministru qal li m’hemmx bażi li jinbidlu l-pjanijiet.
Saħaq li m’hemmx indikazzjonijiet kredibbli li hemm xi theddida kontra Malta.