Ebda ħelsien mill-arrest għall-akkużat li ta daqqa ta’ sikkina lil sieħbu

sikkina serqa arrestat

Raġel ta’ 26 sena mill-Imsida ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li ta daqqa ta’ sikkina lil raġel ieħor il-Ħadd li għadda fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema.

Ir-raġel kien akkużat li fera gravi żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Isla. Allegatament ir-raġel kien qiegħed jixrob fi stabbiliment tad-divertiment tard il-Ħadd filgħaxija meta ġie ordnat jitlaq mill-istabbiliment mis-security.

Jidher li f’dak il-ħin inqala’ argument bejn ir-raġel u s-security, bl-allegat vittma li kien ħabib tal-akkużat, intervjena biex jifridhom. Fil-Qorti ħareġ li f’dik il-kommossjoni, l-allegat vittma kien attakkat b’sikkina kbira.

L-akkużat qal li fil-ħin li ġara dan il-każ huwa kien fis-sakra. Fil-Qorti huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail.

L-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia qalu li l-klijent tagħhom iwieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Huma talbu l-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Min-naħa tagħha l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn