Ebda gvern m’għandu dritt jagħmel test ideoloġiku fuq ħadd

L-Arċisqof ta’ Toronto fil-Kanada, il-Kardinal Thomas Collins, qal li l-Knisja mhux qed tfittex gwerra mal-Gvern iżda mhux se tibqa’ siekta meta l-Gvern Kanadiż qed jipprova jimponi test ideoloġiku fuq dawk l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jibbenefikaw minn fondi tal-Gvern biex joffru impjiegi tas-sajf.
F’Diċembru li għadda l-Gvern Kanadiż bidel ir-rekwiżiti biex xi organizzazzjoni tibbenefika minn dawn il-fondi, u qed iġiegħel lill-applikanti li jiddikjaraw li jappoġġjaw dak li l-Gvern qed isejħilhom “drittijiet umani” u dawn is-suppost drittijiet jinkludu l-aċċess għall-abort.
Il-Kardinal Collins iddeskriva din bħala sitwazzjoni inkwetanti ħafna.
Filwaqt li jagħraf id-dritt tal-Gvern li jitlob lill-organizzazzjonijiet li jimxu mal-liġijiet tal-pajjiż, il-Gvern qed imur 'l hinn minn dan meta qed iġegħelhom jappoġġjaw twemmin li jmur kontra l-fidi tagħhom.
“Dan hu test ideoloġiku li mhux marbut mal-iskop tal-għajnuna finanzjarja. Hu leġittimu tgħid li dawn il-flus m’għandhomx jintużaw illegalment imma r-regolamenti l-ġodda qed jobbligaw lill-organizzazzjonijiet jiddikjaraw li jemmnu f’affarijiet bħall-abort u kwestjonijiet oħra li huma problematiċi għall-attoliċi u oħrajn. Ebda Gvern m’għandu dritt jagħmel test ideoloġiku fuq ħadd. Dan mhux ġust” sostna l-Kardinal Collins.
L-isforzi tal-Gvern biex jimponi test reliġjuż jew ideoloġiku fuq min jirċievi finanzjament pubbliku mhux qed ikun oppost biss mill-Kattoliċi imma minn varjetà kbira ta’ tradizzjonijiet oħra inkluż l-Iżlam u l-Ġudaiżmu. 
Ħafna Kanadiżi huma maħsuda b’din l-attitudni tal-Gvern.
Il-Gvern qed jattakka d-drittijiet li suppost qed jipproteġi. Skont il-Karta tad-Drittijiet, l-ewwel dritt hu dak tal-Libertà tal-Kuxjenza u tar-Reliġjon. 
"Barra minn hekk dil-karta tapplika għall-Gvern mhux għall-individwi. Allura hi maħsuba biex tipproteġi liċ-ċittadini milli jkunu intidmidati mill-Gvern tagħhom u mhux bil-maqlub", sostna l-Kardinal.
"Il-Knisja mhux qed tifittex xi ġlieda mal-Gvern. Aħna lesti li nimxu mal-liġijiet kollha tal-pajjiż filwaqt li nirrifjutaw li dak li jmur kontra t-twemmin tagħna."
Iżda l-Kardinal għandu dubji kemm il-Gvern ikun lest jerġa’ lura mill-pass li ħa. Madankollu hu nsista li żgur li l-Knisja se tibqa’ żżomm din il-kwestjoni f’moħħ il-poplu.
“Naħseb li ħafna Kanadiżi, inkluż nies bi twemmin differenti u anke nies li ma jemmnux, huma xxukkjati bil-mod dittatorjali li qed jimxi bih il-Gvern għall-ebda raġuni. Għaliex qed jagħmlu hekk? Dawn huma affarijiet tal-iskantament” sostna l-Kardinal Kanadiż.