Ebda fdalijiet ta’ tiri ta’ arma tan-nar fuq il-ħwejjeġ użati mill-ħallelin tal-Mid Med

Illum kompla l-ġuri ta’ George Xuereb, akkużat li fl-1996 kien wieħed minn dawk li pprova jisraq mill-fergħa tal-Mid Med Bank li kien hemm f’St Andrew.
Xuereb qed jgħaddi ġuri minħabba li fil-vann sabu marki tas-swaba tiegħu.
Waqt ix-xhieda tiegħu, l-espert forensiku, Dr Anthony Abela Mediċi, li dak iż-żmien kien imexxi t-Taqsima Forensika, qal li fuq il-boiler suits u l-balaklavi li ntużaw mill-ħallelin ma nstabu ebda fdalijiet ta’ tiri ta’ arma tan-nar.
B’rabta ma’ dan l-attentat ta’ serqa, Carmelo Spiteri u Joseph Polidano ngħataw sentenza ta’ 10 snin priġunerija. 
Dak iż-żmien, Abela Medici kien imqabbad jeżamina l-balaklavi, il-vann, il-par żarbun u kalzetti li nstabu fuq il-post kif ukoll eżamina l-fdalijiet tat-tiri.  Wasal għall-konklużjoni li dakinhar Spiteri ma spara ebda tiri minħabba li mhemmx traċċi ta’ tiri u li d-demm li nstab fuq il-boiler suit hu ta’ Polidano.
Fil-Qorti xehed ukoll Dr Pierre Vassallo, li kien radjologu u qal li mit-testijiet mediċi li kienu saru lil Carmelo Spiteri kien irriżulta li tlaqat minn tir f’siequ tal-lemin.
Il-każ se jkompli għada.