Ebda evidenza dwar l-allegazzjonijiet tal-MCAST; nuqqasijiet amministrattivi – Ministeru

Rapport li sar mill-Bord tal-Inkjesta maħtur mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ma sab l-ebda evidenza dwar allegazzjonijiet li kienu minn uffiċjali fl-MCAST, liema allegazzjonijiet qatt ma ġew spjegati. Madankollu, dan ir-rapport sab numru ta’ nuqqasijiet amministrattivi tul is-snin.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li f’Lulju li għadda rċieva numru ta’ allegazzjonijiet relatati mal-MCAST. Il-Ministeru kien għadda lill-Pulizija l-allegazzjonijiet għal investigazzjoni ulterjuri min-naħa tagħha. Il-Ministru kien ukoll ħatar bord ta’ inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti biex jistabbilixxi l-verità ta’ allegazzjonijiet oħra ta’ natura operattiva u amministrattiva tal-Kulleġġ.

Aqra: Ċans li l-MCAST qed jikser il-liġi

Dan ir-rapport ġie konkluż mill-Bord tal-Inkjesta u għalkemm fih il-bord ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda evidenza fuq numru ta’ allegazzjonijiet li ntqalu minn uffiċjal fl-MCAST fil-konfront ta’ individwi fl-amministrazzjoni tal-kulleġġ, huwa rrakkomanda li r-rapport jgħaddi għand il-pulizija.

Aqra: Abbużi fl-MCAST; ordnata investigazzjoni

Għalhekk, il-Ministeru għadda r-rapport lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST. Il-bord tal-inkjesta xeħet dawl fuq numru ta’ nuqqasjijiet amministrattivi u operattivi fl-MCAST matul is-snin u taħt amministrazzjonijiet differenti li ħarġu f’din l-istess inkjesta. Il-Ministeru talab lill-MCAST biex janalizza dawn il-partijiet tar-rapport u jieħu l-passi fejn dovut. Min-naħa tal-Ministeru, huwa ġibed l-attenzjoni għall-Manwal għall-Entitajiet fis-Settur Pubbliku u għadda wkoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-amministrazzjoni tal-MCAST.

Il-Ministeru ngħata parir legali biex ma jippubblikax ir-rapport, imma biex jagħti biss il-konklużjonijiet imsemmija.