Ebda cruiseliner f’Għawdex fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena

F’Għawdex ma daħal ebda cruiseliner fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Il-konferma ngħatat fil-Parlament ilbieraħ fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari wara li fis-seduta ta’ ġimgħa qabel, il-Ministru Joe Mizzi –meta mistoqsi kemm-il cruise liner daħal f’Għawdex mill-1 ta’ Jannar– kien qal li “l-ewwel cruise liner għal din is-sena daħal nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju”.
Iżda fis-seduta tal-bieraħ, għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, Joe Mizzi wieġeb li “Transport Malta hija nfurmata li dawn il-passiġġieri tniżżlu Kemmuna”. Ikkonferma li l-vapur “Le Ponant” kellu 55 passiġġier fuqu.
B'hekk dan ifisser li fl-ewwel sitt xhur tal-2014 ma daħal ebda cruise liner f'Għawdex. 
Joe Mizzi kkonferma li sal-aħħar tas-sena għandhom jittrakkaw tliet bastimenti bil-passiġġieri barra l-Port tal-Imġarr – l-istess vapur “Le Ponant” b’64 passiġġier li ttrakka fis-6 ta’ Lulju, il-bastiment “Windsurf” bi 300 passiġġier fit-2 ta’ Novembru u l-għada, 3 ta’ Novembru, il-vapur “Deutschland” b’280 passiġġier.