Ebda abort fejn qalb it-tarbija tkun għadha tħabbat

Ebda abort fejn hemm qalb tħabbat

Is-Senat ta’ Ohio fl-Istati Uniti emenda liġi biex issa ma jistgħux isiru aborti meta t-tarbija fil-ġuf ikun għad għandha qalb tħabbat. Jidher li din l-emenda għandha biżżejjed appoġġ fost is-Senaturi biex jekk ikun il-każ, jaqilbu l-veto li qed iwiegħed li jagħmel il-Gvernatur tal-istat, John Kasich fuq dan l-abbożż.

L-emenda kienet approvata mis-Senat bi 18-il vot favur u 13 kontra. Biex f’każ ta’ veto mill-Gvernatur dan ikun megħlub ikun hemm bżonn 20 vot. Meta ttieħed il-vot, żewġ Senaturi Republikani kienu assenti u l-vot eventwali tagħhom jista’ jwaqqa l-veto tal-President u l-emenda ssir liġi.

Il-vot irid jittieħed qabel il-Milied għax fl-aħħar tas-sena tintemm il-leġislatura.

Il-Gvernatur Kasich, li hu Republikan għandu rekord li hu Favur il-Ħajja u fil-fatt diġa’ approva 18-il regolament li jirrestrinġu l-abort, fosthom wieħed li ma jistax isir abort wara 20 ġimgħa tat-tqala.

Din l-emenda li tipprojbixxi l-abort fejn hemm qalb tħabbat hi l-unika waħda li qal li se jagħmel veto fuqha. Hu mistenni jispiċċa minn Gvernatur f’Jannar biex postu jieħdu Republikan ieħor, Mark DeWine li hu favur l-emenda.

L-emenda approvata mis-Senat ta’ Ohio tgħid li ma jkunx hemm bżonn isisr ultrasound biex tinstema’ l-qalb tħabbat. L-emenda neħħiet ukoll il-poter tal-Istat li jissospendi l-liċenzja tat-tabib qabel jinstab ħati mill-Qorti li kkommetta reat li għandu x’jaqsam mal-abort.

Il-liġi tagħmel eċċezzjonijiet fejn il-ħajja tal-mara tkun fil-periklu jew f’każi ta’ emerġenza medika. Waqt id-dibattitu numru ta’ emendi minn deputati Demokratiċi kienu megħluba fosthom emenda li tagħmel eċċezzjoni f’każi ta’ stupru u inċest.

Il-Kamra tad-Deputati tal-istess Stat ta’ Ohio ix-xahar li għadda kienet approvat il-liġi b’60 vot favur u 38 kontra. Dan ir-riżultat hu biżżejjed biex jekk ikun hemm veto, jiġi mwaqqa’.

Il-Konferenza Kattolika ta’ Ohio qalet li tappoġġja l-iskop favur il-ħajja ta’ din il-liġi u tixtieq liġi li tkun tista’ tirbaħ sfida kostituzzjonali li jista’ jkun hemm u tkun implimentata bl-iskop li tkun salvata l-ħajja.

Is-Senatriċi Peggy Lehner, li kienet tmexxi l-grupp Ohio Right to Life, qalet li n-nisa li xehdu dwar l-abort li għamlu, “kellhom id-dmugħ f’għajnejhom u weġgħa f’qalbhom”. “Qatt ma rajt mara tibki għax għażlet il-ħajja għax f’qalbna nafu li din hi ħajja umana”.

L-abbozz jagħmilha ċara li mara tqila li tagħmel abort ma titqiesx li qed tikser il-liġi anzi l-liġi tagħtiha dritt  li tieħu azzjoni ċivili kontra t-tabib involut jekk ikun pruvat li hu jew hi kisru l-liġi billi qatlu lit-tarbija mhux mitwielda bi żball.

Din l-istess leġislatura mistennija tgħaddi liġi li tipprojbixxi l-proċedura tal-abort magħrufa bħala “delation and extraction” li normalment tintuża meta mara tkun bejn it-13 u l-24 ġimgħa tat-tqala tagħha.