Ebay tkompli żżid il-bejgħ u d-dħul

Ebay, il-pjattaforma elettronika għal xiri online, irrappurtat li d-dħul fit-tieni kwart tas-sena żdied b’9% meta mqabbel mas-sena li għaddiet, għal 2.6 biljun dollaru.

Dan kien riżultat ta żieda ta’ 4% fil-bejgħ għal 175 miljun, filwaqt li l-volum totali tal-merkanzija mibjugħa żdiedet b’10% għal 23.6 biljun.

Fl-aħħar ġimgħat, eBay fittxet li ssaħħaħ l-esperjenza tal-utent bit-tnedija ta’ feature ġdid bl-isem ta’ Interests li għandu l-għan li jolqot l-esperjenza tal-konsumaturi fuq bażi tal-istil u l-interessi tagħhom.

L-istrateġija attwali tal-kumpanija hi li tneħħi l-imaġini tagħha ta’ sit tal-irkant jew ta’ bejjiegħ ta’ oġġetti użati biex tkun tista’ tikkompeti aħjar ma’ ġganti bħal Walmart, Amazon u Target. Fl-aħħar ġimgħat introduċiet ukoll feature ġdid li tiggarantixxi l-aqwa prezz fuq ċertu prodotti.

Id-dħul nett fit-tieni kwart żdied għal $638m jew 64 ċenteżmu kull sehem.

Minkejja dawn ir-riżultati, eBay qalet li għal din is-sena, qed tistenna dħul nett ta’ bejn 10.75 biljun u 10.85 biljun, ftit anqas mill-istennija tal-investituri f’Wall Street li qed jimmiraw għal ċifra iktar qrib il-11-il biljun.

L-Arġentina mistennija tirpilja fl-2019

Skont il-President Arġentin Mauricio Macri, l-ekonomija tal-pajjiż mistennija tirpilja u terġa’ lura għal tkabbir matul is-sena d-dieħla. Dan wara li żieda qawwija u mhux mistennija fl-għoli tal-ħajja kif ukoll depprezzament tal-munita lokali, il-peso, aktarx li se jwasslu biex is-sena tintemm f’riċessjoni.

Din is-sitwazzjoni waslet biex l-Arġentina titlob lil Fond Monetarju Internazzjonali finanzjament ta’ 50 biljun dollaru, filwaqt li l-Gvern qed jikkunsidra numru ta’ pożizzjonijiet biex isaħħaħ id-dħul u jnaqqas in-nefqa tiegħu biex jilħaq il-miri fiskali maqbula fil-ftehim mal-IMF. Is-sena li għaddiet l-ekonomija kibret fi ftit anqas minn 3%, iżda din is-sena sofriet tnaqqis b’mod partikolari fis-settur agrikolu wara nixfa twila kif ukoll minħabba kriżi monetarja u żieda fl-għoli tal-ħajja. Hu mistenni li l-ekonomija tiċkien kemm fit-tieni kif ukoll fit-tielet kwart tas-sena.

Fil-preżent, il-Gvern Arġentin qed jinvesti bis-saħħa fl-infrastruttura tal-enerġija bil-mira tiegħu tkun li  sa tliet snin oħra, il-pajjiż isir esportatur nett tal-gass filwaqt li jżid il-produzzjoni taż-żejt għal nofs miljun barmil kuljum.

Fl-għoti tal-finanzjament, l-IMF ikkommettiet lill-pajjiż tal-Amerika t’Isfel biex iniżżel id-defiċit primarju għal 1.3% tal-Prodott Gross Domestiku mit-2.2% li kien oriġinarjament previst. Dan it-tnaqqis fin-nefqa se jkun sfida importanti għal President Macri li s-sena li ġejja se jkun qed jaffronta elezzjoni Presidenzjali biex jikkonferma l-post li ġie elett fih fl-2015.

Anqas dħul għall-posta Ingliża minħabba anqas riklamar

Ħafna qarrejja aktarx li semgħu bir-regolamenti ġodda dwar il-privatezza tad-data, imsejħa bil-GDPR, b’mod partikolari hekk kif intbagħtu bosta emails jistaqsu lill-utenti jekk iridux jibqgħu jiġu kkuntattjati minn xi kumpanija partikolari. Għal ħafna, il-GDPR kienet aħbar tajba: anqas ittri, posta u emails li m’għandhomx bżonn.

Għal ħafna kumpaniji, fissret xogħol kbir – u fuq kollox spejjeż – biex josservaw il-liġijiet. Iżda settur li ntlaqat b’mod partikolarment negattiv kien dak tal-posta: proprju għaliex tnaqqsu l-ittri ta’ reklamar.  Ir-Royal Mail, il-kumpanija postali storika tar-Renju Unit, irreġistrat tnaqqis ta’ 6% bejn April u Ġunju, f’ittri msejħa addressed letter, meta mqabbel mal-istess żmien is-sena li għaddiet.

Dawn it-tip ta’ ittri jkollhom l-isem tal-konsumatur stampat u mhux ikunu ppustati sempliċiment bla isem jew b’xi termini ġeneriku bħal “ir-resident”.  Din tiswa madwar 56 pence kull ittra, filwaqt li ittri mingħajr isem jiswew ftit pence biss. Issa, billi r-regoli tal-GDPR jistipulaw li biex tipproċessa d-data personali jrid ikollok permess ta’ dak li jkun, diversi kumpaniji qed jevitaw riskji u ma jibgħatux dan it-tip ta’ reklamar fid-djar tan-nies. Għalhekk, għal posta, dan fisser inqas negozju ta’ dan it-tip.

Madankollu, il-kumpanija qalet li fl-ewwel sitt xhur tas-sena xorta mistennija tkun irreġistrat żieda ta’ 2% fid-dħul grazzi għal żieda ta’ 7% fil-volum tal-pakketti, riżultat dirett tal-popolarità dejjem tikber tax-xiri li jsir fuq l-Internet.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.