Easyjet tissospendi t-titjiriet kollha lejn Malta – rapporti

Il-linja tal-ajru Easyjet issospendiet it-titjiriet kollha lejn Malta, Franza u l-Olanda wara li dawn tpoġġew fil-lista tar-Renju Unit ta’ pajjiżi mhux siguri minħabba l-coronavirus.

Il-ġurnal Ingliż Metro rrapporta lbieraħ li l-kumpanija ħadet din id-deċiżjoni wara d-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż li jobbliga lil dawk ġejjin minn dawn il-pajjiżi biex jagħmlu ġimagħtejn kwarantina mal-wasla tagħhom fl-Ingilterra.

Ir-rapport jgħid li kelliem għall-Easyjet qal li ftit wara l-aħbar, il-kumpanija kkuntattjat lill-klijenti tagħha li kellhom xi titjira bbukkjata għal wieħed minn dawn il-pajjiżi biex tinfurmahom li t-titjira tħassret, u li flushom se jingħatawlhom lura. It-titjiriet qegħdin jitħassru sa tmiem Awwissu, meta mbagħad terġa’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni.

Minkejja dan, fuq is-sit elettroniku tal-Easyjet m’hemm l-ebda aġġornament b’rabta ma’ dan. L-aħħar aġġornament fuq is-sitwazzjoni ġie ppubblikat ilbieraħ u jgħid li l-kumpanija beħsiebha topera l-programm kif skedat fil-jiem li ġejjin. Tgħid ukoll, iżda, li tifhem li hemm min jixtieq iħassar it-titjira tiegħu u hija lesta li tagħti l-flus lura lill-klijenti li jixtiequ jagħmlu dan.

L-aħħar pajjiż li żied lil Malta mal-pajjiżi mhux siguri minħabba ż-żieda fil-każijiet kien il-Belġju. Il-Belġjani issa huma pprojbiti milli jiġu Malta fuq vjaġġi bla bżonn. Apparti l-Belġju, kien hemm pajjiżi oħra bħal-Litwanja, l-Irlanda u s-Slovenja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn