EastEnders tal-BBC tintlaqat ukoll bil-coronavirus

Il-BBC waqqaf l-iffilmjar ta’ drammi li jinkludu EastEnders, Casualty, Doctors u Holby City minħabba l-imxija tal-coronavirus. In-numru ta’ episodji ta’ EastEnders li kienu jintwerew fuq l-istazzjon issa se jitnaqqsu bin-nofs, minn erbgħa għal tnejn.

Il-Korporazzjoni qalet li se tkompli turi l-episodji ta’ EastEnders sakemm jippermettu l-episodji li laħqu tlestew.

L-istazzjoni televiżiv ieħor Ingliż ITV qal li s-sensiela Coronation Street  se tinżel għal tliet episodji fil-ġimgħa. Madankollu x-xandar qal li se jkompli jiffilmja episodji ġodda bi skeda mnaqqsa filwaqt li Emmerdale se tkompli tixxandar ħames episodji fil-ġimgħa.

Il-BBC qalet li d-deċiżjoni li tissospendi l-iffilmjar tad-drammi ttieħdet wara l-aħħar aġġornament tal-Gvern dwar il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu kontra l-coronavirus.

“Fid-dawl tat-tixrid tal-Covid-19, wara ħafna konsiderazzjonijiet, ġie deċiż li l-iffilmjar fuq EastEnders jiġi pospost sa avviż ieħor,” qal kelliem tal-BBC qal.