EastEnders ibikki l-udjenzi Ingliżi

BBC

Il-puntata ta’ EastEnders li xxandret ilbieraħ fuq il-BBC qanqlet ħafna emozzjonijiet fost it-telespettaturi Ngliżi. Qabel ma’ tkomplu taqraw ngħarrfukom li dan l-artiklu jinkludi wkoll spoilers u jekk ma’ tixtiequx li ssiru tafu x’se jiġri fil-puntati li jmiss, inħeġġukhom tieqfu hawn, peress li fuq BBC Entertainment jixxandru b’madwar xahar b’lura.

Kienet tassew puntata b’saħħitha dik li xxandret ilbieraħ ta’ EastEnders li waslet biex għadd kbir ta’ segwaċi ta’ din is-soap opera Ngliża li ilha tinħadem mill-1985 u diġa hemm ftit aktar minn 5,910 puntata.

It-telespettaturi kellhom tifħir għall-interpretazzjoni tal-atturi Gillian Wright u Robert Kazinsky li jinterpretaw lil Jean Slater u binha Sean.

L-omm u binha ġabuhom mexjin fil-kampanja meta tinnota li waqġħet ċappa xagħar, kaġun tal-fatt li għaddejja minn kanċer.

Lil binha tgħidlu dwar kif kienu qalulha li kien se jiġrilha hekk iżda sakemm jiġi dak il-mument, kienet konvinta li se tiskansaha.

Ikun f’dak il-mument li hi titolbu biex iqaxxrilha xagħarha u kienet proprju din ix-xena, il-mod kif kienet maħduma u kif twasslet lit-telespettaturi, li wasslet biex ikun hemm rispons enormi fejn eluf ta’ segwaċi tas-sensiela, bdew jikkummentaw fuq meżżi soċjali bħal Twitter biex ifaħħru dan l-episodju partikolari.

Bosta kienu dawk li esprimew l-emozzjonijiet tagħhom li spiċċaw jibku wara li segwew il-puntata tal-bieraħ filgħaxija

BBC

Oħrajn waslu biex ikkummentaw li qed jittamaw li d-diriġenti tas-sensiela mhux qed jaħsbuha biex joqtlu lil Jean mis-sensiela, jew inkella jittamaw li l-attriċi Gillian Wright mhux qed tippjana biex titlaq mis-sensiela.

Minkejja l-volum qawwi ta’ mistoqsijiet mis-segwaċi tas-sensiela, il-kelliema ta’ EastEnders qed jirrifjutaw li jagħtu dettalji biex b’hekk iżommu fuq ix-xwiek lit-telespettaturi.