€95,000 lill-Università fis-sena biex isiru korsijiet f’Għawdex

Ministru għal għawdex + Rettur Università ta' Malta
Ritratt: MGOZ

Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għal Għawdex se jwassal biex il-Gvern jibda’ jagħti €95,000 kull sena biex l-Università torganizza korsijiet f’Għawdex.

Fi stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex kien spjegat li din l-għotja se ssir kull sena għal ħames snin. Imbagħad il-ftehim jista’ jibqa’ jiġi mġedded għal perjodi ta’ ħames snin kull darba.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, qal li l-Università se tkun qed tipprovdi servizzi li jikkonsistu f’korsijiet offruti minnha jew korsijiet u programmi edukattivi oħra koordinati minnha, fil-Kampus ta’ Għawdex tal-Università fix-Xewkija. Dawn is-servizzi għandhom jinkludu wkoll l-għoti ta’ għarfien relatat ma’ dawn il-korsijiet u programmi edukattivi.

Il-Ministru Camilleri spjega li l-Università ta’ Malta se tkun tista’ tuża wkoll parti mill-fondi allokati lilha mill-Ministeru għal Għawdex għall-manutenzjoni, għar-rinovazzjoni u għal spejjeż oħra relatati u meħtieġa għall-manutenzjoni u għaż-żamma tal-Kampus ta’ Għawdex.