€9,000 għal Franċiż li kiser il-kwarantina 5 darbiet

Franċiż li kellu joqgħod kwarantina weħel multa ta’ €9,000 talli kiser il-kwarantina ħames darbiet.

Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li dan ir-raġel ħareġ mir-residenza tiegħu ħames darbiet, minkejja li kellu joqgħod ġewwa bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-coronavirus.

Huwa nqabad tliet darbiet meta l-multa kienet ta’ €1,000, u darbtejn wara li l-multa għoliet għal €3,000.

Din il-ġimgħa l-Gvern għolla l-multa minn €1,000 għal €3,000 għal kull darba li persuna tinqabad tikser ir-regola tal-kwarantina, wara li nqabdu għadd ta’ persuni jiksruha meta saru l-ispezzjonijiet.

Dawk kollha ġejjin minn barra minn Malta huma obbligati li jagħmlu ġimagħtejn kwarantina. Madankollu, il-multa tal-kwarantina hija applikabbli meta dak li jkun jinstab ħati fil-qorti.

S’issa nħarġu 11-il multa minħabba l-ksur ta’ din ir-regola. Il-Pulizija s’issa wettqet 1,021 spezzjoni.

Malta s’issa għandha 53 pazjent bil-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn