€900 aktar fis-sena lill-istudenti Għawdxin f’Malta

MGOZ: Terry Camilleri

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbru li se tingħata għajnuna addizzjonali ta’ €900 fis-sena lil dawk l-istudenti Għawdxin li qed ikomplu l-istudji tagħhom f’xi istituzzjoni edukattiva f’Malta.

Il-Ministru Caruana qalet li l-Gvern hu konxju mit-tbatija u mill-isfidi li jaffaċċjaw il-familji Għawdxin meta wliedhom imorru jistudjaw Malta u għalhekk qed tingħata għajnuna addizzjonali sa massimu ta’ €900 fis-sena flimkien mal-għajnuna ta’ €1,500 li diġà qed jagħti l-Ministeru għal Għawdex.

Il-Ministru semmiet li l-Ministeru kera Villa Lauri li tinstab f’post ċentrali biex isservi bħala post ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti Għawdxin u għall-qraba ta’ nies rikoverati fl-isptarijiet f’Malta. Din l-akkomodazzjoni se jkollha spazju għal 33 persuna u bħalissa qed jiġu evalwati l-offerti wara li saret sejħa għall-offerti.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li qed jaraw kif jagħmlu biex l-akkomodazzjoni ssir iżjed affordabbli għall-istudenti.