Filmat: €85 fil-ġimgħa għaż-żgħażagħ Għawdxin li jaħdmu matul is-sajf

Work Trial Scheme For Youths hija skema fejn iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma’ entitajiet privati u organizzazzjonijiet non-governattivi. Permezz ta’ din l-inizjattiva l-istudenti jistgħu jaħdmu kemm mal-privat kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji. L-istudenti se jkollhom stipendju ta’ 85 ewro fil-ġimgħa, żieda ta’ 10 ewro fuq is-sena li għaddiet, għal total ta’ 425 ewro f’ħames ġimgħat.

Din l-inizjattiva tħabbret mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fejn spjegat li din l-iskema se sservi wkoll ta’ inċentiv biex is-settur privat jimpjega lill-istudenti matul is-sajf minħabba li ħames ġimgħat minnhom ser jiġu finanzjati mill-Ministeru għal Għawdex.

L-iskema se tidħol fis-seħħ mill-5 ta’ Awwissu u tibqa’ għaddejja sas-6 ta’ Settembru. L-applikazzjonijiet jinfetħu t-Tnejn, 1 ta’ Lulju u jagħlqu l-Ġimgħa 5 ta’ Lulju. Wieħed jista’ jniżżel l-applikazzjoni minn fuq is-sit www.mgoz.gov.mt  jew mill-mobile app ‘mygozo’.​