€8 miljuni f’surplus sa Novembru

Sa Novembru, il-Gvern kellu surplus ta’ €8 miljun li jirrappreżenta tibdil mis-sena li għaddiet b’€43.2 miljun. Il-Gvern qal li dan ifisser li “fl-ewwel ħdax-il xahar” kien hemm żieda sinnifikanti fid-dħul rikurrenti filwaqt li l-ispejjeż inżammu baxxi.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħabbar li d-dħul tal-gvern żdied b’aktar minn €463.4 miljun biex id-dħul totali qabeż it-€3.9 biljun. Iż-żieda kienet ta’ kważi 12%.

Fl-istess perjodu in-nefqa tal-gvern żdiedet iżda b’rata anqas mid-dħul. Sal-aħħar ta’ Novembru, in-nefqa totali kienet ta’ €4,381 miljuni jew żieda ta’ aktar minn 10% fuq is-sena ta’ qabel.

Sa Novembru li għadda, d-dejn tal-gvern kien ta’ €173.7 miljun, €11.4 miljun anqas mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fi stqarrija qal li bir-riżultati pożittivi huwa kunfidenti li għar-raba’ sena konsekuttiva l-finanzi tal-Gvern jirrekordjaw surplus.