€8 miljun għal Triq l-Imġarr fin-Nadur; ilha sena u nofs magħluqa

Read in English.

Beda x-xogħol fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur, it-triq arterjali li min-Nadur tinfed għall-Imġarr. Il-bini ta’ din it-triq kien tħabbar f’Settembru 2018 mill-Ministru Justyne Caruana.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li se jsir investiment ta’ €8 miljun biex it-triq tinbena mill-ġdid. Huwa elenka x-xogħol kollu li sar f’dan ix-xahar u nofs biex setgħet tibda tinbena t-triq, fosthom li nħarġu l-permessi kollha li ma kienx hemm, saru u tlestew il-pjanti, tlestew it-testijiet ġeoloġiċi u saru u tlestew id-disinni strutturali.

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Ministru ġie kkwotat jgħid li “finalment din it-triq qed tingħata wkoll l-attenzjoni li jixirqilha wara li għal bosta snin tħalliet fi stat ħażin minkejja li hi triq traffikuża”.

F’April li għadda, il-Ministru Justyne Caruana qalet li x-xogħlijiet f’din it-triq huma riżultat tat-telqa u nuqqas ta’ deċiżjonijiet li ma ttiħdux fil-passat.

Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha li minkejja s-sitwazzjoni li ninsabu fiha, baqgħu għaddejjin b’xogħolhom fit-toroq għas-sigurtà tal-poplu Għawdxi.

Il-Ministru Camilleri spjega li dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi miżjuda ta’ sigurtà fit-triq biex jonqos ir-riskju tal-aċċidenti, il-bini mill-ġdid tar-retaining walls u ħajt tas-sejjieħ u faċilitajiet oħra sabiex is-servizzi neċessarji jgħaddu minn taħt it-triq.

Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar ukoll li Triq iż-Żewwieqa hi lesta b’investiment ta’ ftit inqas minn €300,000, u se tkun tista’ sservi ta’ triq alternattiva għal Triq in-Nadur.

Fakkar fit-taħditiet li saru ma’ Infrastructure Malta biex fejn hemm bżonn, tingħata l-għajnuna biex il-proġetti jitlestew malajr kemm jista’ jkun, bl-inqas inkonvenjent possibbli għall-pubbliku.