€8 miljun f’multi mill-Qorti mhux imħallsa

Sal-bidu ta’ din is-sena, aktar minn €8 miljun f’multi kienu għadhom ma ġewx imħallsa. Minnhom aktar minn €2 miljun ilhom aktar minn 20 sena. Dan ħareġ mill-verifika li saret din is-sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).

F’dan ir-rapport, l-Awditur Ġenerali sab li f’erba’ każijiet, fejn kien hemm konverżjoni skoretta bejn multa li ngħatat li nbidlet f’ħabs. Dan wassal biex dawn il-persuna skontaw sentenza itwal ta’ ħabs. Il-Qorti spjegat li din il-konverżjoni kienet ivverifikata mill-uffiċjali tal-ħabs u ġiet irranġata b’effett immedjat.

Fl-aħħar tas-sena 2018, l-ammont ta’ arretrati f’multi mill-Qorti Kriminali u dik Ċivili, kienu jammontaw għall-€8.29 miljun, li l-maġġoranza minnhom €8.21 miljun ġejjin mill-Qorti Kriminali. Dawn jinkludu €2.2 miljun f’multi li ilhom aktar minn 20 sena.

L-Awditur Ġenerali qal li l-ġbir tal-multi fil-Qorti Kriminali kienu rregolari u l-avviżi biex jitħallsu dawn il-multi sar b’mod każwali. Fir-rapport ħareġ ukoll li hemm nuqqas ta’ persuni inkarigati biex joħorġu dawn il-multi. Madankollu l-Qorti fir-risposta tagħha qalet li qatt ma nħass il-bżonn li jiżdiedu n-nies f’dan ir-rigward.

386 pagament mhux imniżżla fil-LECAM

Fis-sistema ta’ mmaniġjar tal-każijiet legali (LECAM) rriżulta li kien hemm nuqqasijiet f’diversi oqsma. Ir-rapport semma li ma kienx hemm l-ebda verifika indipendenti meta jiġu mniżżla d-dettalji fis-sistema. L-NAO sab li kien hemm 386 pagament bejn 2004 u Ġunju 2019, li jammontaw għall-€81,694, u ma kinux imniżżla f’din is-sistema.

Meta persuna tingħata multa u ma titħallasx din tiġi mibdula f’sentenza effettiva ta’ ħabs. Kull ġurnata ħabs tiswa €35 u persuna tista’ teħel sa sentejn ħabs.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li l-Qorti ma segwitx jekk persuna li ngħatat multa ħalsithiex jew le. L-amministrazzjoni tal-Qorti spjegat li din kienet il-kompetenza tal-Pulizija u mhux tal-Qrati. Spjegaw li madankollu l-Pulizija jinfurmaw lill-Qorti meta persuna tiskonta s-sentenza ta’ ħabs jew jekk jiddiċiedu li jħallsu l-multa minflok jmorru l-ħabs.