€8 miljun biex jitneħħew l-arbli tal-elettriku b’voltaġġ għoli

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa bdiet it-tieni fażi tat-twaqqigħ tal-aħħar 18-il arblu tal-elettriku b’vultaġġ għoli li fadal fil-gżejjer Maltin. Għal dan il-proġett l-Enemalta investiet €8 miljun biex jitneħħew l-arbli tal-linji tal-elettriku ta’ voltaġġ għoli (33kV) li għad fadal, magħrufa bħala pylons, li fadal mill-Mellieħa għal Vendome Distribution Centre fl-Armier u sett ieħor li jaqsam il-Marsa, il-Gudja, Ħal Tarxien u Ħal Far.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-ilma spjega li għal dan il-għan kienet inħarġet offerta li nqasmet f’żewġ lottijiet, waħda li tkopri l-linji tal-arbli fit-tramuntana u l-oħra biex tkopri l-linji tal-arbli fin-nofsinhar ta’ Malta.

B’kollox se jkunu tneħħew madwar 80 arblu madwar il-pajjiz kollu; fin-nofsinhar ta’ Malta s’issa diġà tneħħew 36 arblu, li kienu mifruxa minn Ħal Far sal-Gudja. L-arbli li huma magħrufin bħala pylons, fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta tneħħew kollha fl-aħħar xhur. Sal-aħħar tas-sajf se jkunu tneħħew l-arbli kollha mill-Gżejjer Maltin.

Sabiex jitneħħew dawn iż-żewġ linji tal-elettriku ta’ voltaġġ għoli, l-Enemalta kellha ttejjeb l-infrastruttura fejn poġġiet tliet cables ta’ 33kV taħt l-art mill-Power Station ta’ Delimara għal Ħal Far u 2 cables oħra mill-Mellieħa għal Vendome Distribution Centre fl-Armier.