€78,000 f’kumpens għall-qraba ta’ raġel li ttajjar fl-2013

Miguela Xuereb

Ġuvni ta’ 25 sena mill-Ħamrun ġie kkundannat li jħallas €78,000 f’kumpens lill-qraba ta’ raġel li miet, wara li l-ġuvni baqa’ dieħel fih bil-karozza tiegħu.

L-inċident seħħ fil-21 ta’ Settembru 2013 ħdejn it-telgħa tal-Għammieri. Filomeno Bonavia, ir-raġel li dak iż-żmien kellu 55 sena kien għaddej bil-vann tiegħu meta ntlaqat minn Jaguar misjuqa minn Ayrton D’Amato Quintano li dak iż-żmien kellu 19-il sena. Ir-raġel kien miet fuq il-post.

Fl-2018, D’Amato Quintano ammetta fil-Qorti li kkaġuna l-mewt tar-raġel u mill-provi mressqa rriżulta li huwa kien qiegħed itellaq ma’ sieħbu. Huwa kien ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €2,000.

Il-qraba tal-vittma fetħu kawża ċivili kontra D’Amato Quintano li nstemgħet quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff. L-imħallef ikkunsidra li ż-żagħżugħ kien għaddej b’veloċità sfrenata li kkaġunat il-mewt ta’ raġel tal-familja. Huwa żamm liż-żagħżugħ responsabbli għal dan l-inċident u ordnalu li jħallas is-somma ta’ €78,000 lill-familja Bonavia.