€750,000 għall-bdiewa biex itejbu l-ilma

Madwar €750,000 se jingħataw lill-bdiewa fi skema biex jittejjeb l-ilma li jintuża għar-raba’. Dan ħabbruh il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru qal li l-użu effiċjenti tal-ilma fl-agrikoltura jfisser inqas pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma f’Malta kif ukoll inqas spejjeż għall-bdiewa. Din l-iskema se tkun qed tingħata lil 150 attività agrikola, kemm fil-qasam tal-biedja kif ukoll fit-trobbija tal-annimali.

Din l-iskema hija parti mill-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-‘Ilma – Ibda Minnek’. Permezz ta’ din l-iskema il-bdiewa se jkunu jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €5,000 f’apparat u  interventi fl-għelieqi u l-irziezet tagħhom. Il-Ministru żied li kull attività agrikola li se tkun qed tipparteċipa f’din l-iskema se tkun qed tintuża bħala eżempju ta’ kif is-settur agrikolu jista’ jinbidel u jsir aktar effiċjenti.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li minnn din l-iskema 150 bidwi se jibbenefikaw biex ikunu jistgħu jirranġaw il-ġwiebi tagħhom u javvanzaw fit-teknoloġija li tgħin fit-titjib tal-ilma.

L-applikanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti se jingħataw verifika b’xejn mill-uffiċjali mill-kampanja ‘L-Ilma – Ibda Minnek’ li jevalwaw il-konsum tal-ilma, kif jinġabar l-ilma fuq il-post u jiġi diskuss x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu bidliet sempliċi bħal titjib fis-sistema tal-irrigazzjoni jew installazzjoni ta’ sensors mal-ħamrija. Jista’ jkun hemm ukoll xogħlijiet aktar estensivi jiddependi mill-bżonn tal-applikant.

Kull min huwa interessat li japplika jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit tal-konervazzjoni tal-ilma jew imur l-Uffiċċju tal-Kampanja fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma ‘Għajn’.