Filmat: €75 miljun inqas fi profitti għall-BOV minħabba kawżi legali

Il-Bank of Valletta Group ħabbar li għamel profitt ta’ €13.5 miljun fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, numru li naqas mill-profitti ta’ €88.5 miljun minħabba tliet kawżi legali.

Il-Bank of Valletta mhux se jkun qed jagħti dividendi abbażi tal-profitti li għamel din is-sena lill-azzjonisti tiegħu bħala prekawzjoni minħabba tliet kawżi legali li qed jiffaċċja.

ll-BOV ħabbar li ma kinux se jitqassmu d-dividendi waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fl-uffiċini taċ-Ċepersin tal-BOV fil-Belt Valletta. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord tad-Diretturi.

Il-bank ħabbar, bħala parti mir-riżultati tal-ewwel sitt xhur tas-sena, li għamel madwar €88.5 miljun fi profitti din is-sena meta mqabbel mal-€67.8 miljun li għamel is-sena l-oħra.

Iċ-Ċermen tal-Bank Deo Scerri qal li “dan juri biċ-ċar li l-bank huwa b’saħħtu u bi profitti tajbin.”

Scerri qal li din is-sena żiedu l-proviżjonijiet b’rabta mal-litigazzjoni għal €75 miljun. Dan minħabba tliet kawżi materjali li hemm kontra l-bank. Dan ifisser li l-profitti għall-ewwel sitt xhur jammonta għal €13.5 miljun.

It-tliet kawżi huma dwar il-Deiulemar Group, il-La Vallete Multi Manager Property Fund, u l-Falcon Fund.

Intqal li l-Bord tad-Diretturi qed iżomm skrutinju strett fuq dawn il-kawżi biex jevalwa l-pożizzjoni tal-BOV fiċ-ċirkostanzi. Scerri saħaq li għalkemm hemm il-proviżjoni tal-€75 miljun fis-seħħ, dan bl-ebda mod ma jfisser li l-bank qed jammetti li għandu xi tort fil-kawżi legali.

Dwar il-każ tad-Deiulemar li fih il-BOV qed jiġi mfittex għal €363 miljun, Scerri qal li f’Torre Anunziata fejn qed jinstema’ l-każ heemm “pożizzjoni li qed issir ostili ħafna għall-bank.”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-BOV għandu każ legali b’saħħtu ħafna, però s-sitwazzjoni esterna u ċ-ċirkostanzi tal-każ qed jagħmlu l-pożizzjoni tal-BOV aktar diffiċli.

Il-bank ħabbar li għandu €10 biljuni f’depożiti, numru li qalu li jispjega kemm hija għolja l-likwidità tal-BOV. Bħalissa l-bank qed isellef madwar €4.5 biljun.

Filmat: Miguela Xuereb