€7 miljun għal kumpaniji żgħar u medji; €65,000 għal studju dwar il-familja fl-Università

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) Aaron Farrugia ħabbar li l-fond disponibbli li jgħin fil-finanzjament tal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) se jiżdied b’€7 miljun.

Matul l-aħħar tliet snin l-SMEs, għamlu użu minn €60 miljun permezz taż-żewġ banek ewlenin f’Malta, skont il-Kap Eżekuttiv tal-Fond ta’ Investiment Ewropew Pier Luigi Gilibert.

L-istqarrija tispjega li din l-għajnuna sservi biex l-SMEs lokali jiffinanzjaw il-ħtiġijiet tan-negozju tagħhom bil-mira li jkabbru n-negozju. It-total tal-Fond ta’ Inizjattiva għall-SMEs huwa ta’ €22 miljun.

Intant il-Gvern ħabbar li qed jagħti €65,000 fuq perjodu ta’ tliet snin lill-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali kif ukoll lid-Dipartiment tal-Istudju tal-Familja, fl-Università ta’ Malta biex dawn jagħtu dimensjoni aġġornata tal-familja.

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li dan qed isir biex jissaħħu l-korsijiet ta’ taħriġ għall-professjonisti f’dan il-qasam.

Falzon spjega li l-Gvern jinsab fil-qrib li jippreżenta l-Liġi l-ġdida tal-Protezzjoni tat-Tfal.