€650 fis-sena għall-Għawdxin kollha li jaħdmu Malta

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-ħaddiema fis-settur privat se jingħataw ukoll €650 fis-sena f’sussidju li qed jieħdu l-ħaddiema tas-settur pubbliku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Ministru Camilleri qal li b’hekk il-Gvern se jkun wettaq wegħda oħra mill-Baġit tal-2020 li tgħid, “Wara s-suċċess tal-pakkett li daħħalna s-sena l-oħra għall-ħaddiema u għall-istudenti Għawdxin li jaħdmu u jistudjaw f’Malta, is-sena d-dieħla se nkomplu nestenduh.”

Camilleri spjega li mill-1 ta’ Jannar 2020, l-impjegati kollha li jaħdmu mas-settur pubbliku u privat ​qed jingħataw sussidju annwali ta’ €650, imħallas f’żewġ partijiet. Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “din is-sena se nżidu s-sussidju għall-impjegati tas-settur privat li s-sena l-oħra kienu ngħataw €300 fis-sena, għalhekk mill-1 ta’ Jannar, 2020 spiċċat id-differenza fl-għajnuna finanzjarja bejn is-settur pubbliku u s-settur privat.”

Camilleri spjega li l-għalliema u l-LSEs se jieħdu €525 fis-sena minħabba l-vaganzi tas-sajf.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li madwar 500 impjegat fis-settur privat se jibbenefikaw minn din il-miżura u se jiżdiedu mal-1,189 impjegat tas-settur pubbliku li diġà qed jibbenefikaw minn din l-allowance.

Il-parametri u l-kundizzjonijiet tas-sussidju

  1. L-applikant għandu jkun residenti Għawdex u jaħdem fuq bażi full-time Malta.
  2. Id-Dipartiment tal-HR tal-organizzazzjoni jew tal-entità fejn jaħdem l-applikant għandu jiċċertifika li
    • l-applikant ħadem mal-organizzazzjoni għall-perjodu stipulat li applika għalih (Jan – Ġunju; Lulju – Diċembru);
    • l-ebda sussidju ieħor għat-trasport bejn il-gżejjer mhu jingħata mill-organizzazzjoni.
  3. L-applikazzjonijiet għall-perjodu Jannar – Ġunju għandhom jintbagħtu mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Awwissu u l-ħlas isir sa tmiem Awwissu. L-applikazzjonijiet għall-perjodu ta’ Lulju – Diċembru għandhom jintbagħtu bejn l-1 ta’ Jannar u l-15 ta’ Frar u l-ħlas isir sal-aħħar ta’ Frar.
  4. L-applikanti li jaħdmu mal-ministeri tal-gvern / entitajiet / aġenziji u mas-settur privat se jkunu intitolati għal €650 fis-sena ħlief għall-għalliema u l-LSEs li huma intitolati għal €525 minħabba l-vaganzi tas-sajf.