€63,000 f’kumpens lill-qraba għall-qtil li seħħ 20 sena ilu

Miguela Xuereb

Il-qraba ta’ Christopher Camilleri rebħu €63,000 f’kumpens għad-danni mingħand Raymond Camilleri. Raymond Camilleri kien instab ħati li qatel lil Christopher Camilleri quddiem ir-residenza tiegħu fi Triq Fortunato Dalli fiż-Żurrieq.

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Awwissu 1999 għall-ħabta tal-11pm. Mill-fatti li ħarġu fil-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ, il-vittma kien ipparkja l-karozza tiegħu quddiem ir-residenza ta’ Raymond Camilleri bħalma kien jagħmel kull meta kien imur għand it-tfajla tiegħu li kienet tgħix fl-istess triq.

Raymond Camilleri kien kellem lil Christopher u qallu li mhux jieħu gost li qed jipparkja quddiem id-dar tiegħu. Dakinhar li seħħ id-delitt, Christopher ra lil Raymond jirriversja l-karozza fuq il-karozza tiegħu u kien hawn li mar fuqu u heddu li jaħraqlu l-karozza u tah daqqa fuq driegħu tax-xellug.

Kif ra hekk Raymond Camilleri daħal fil-garaxx qabad is-senter u spara lejn il-vittma. Wara li laqtu l-akkużat mar ħdejh u reġa’ sparalu fejn qatlu fuq il-post. Raymond Camilleri mar l-għassa jinforma lill-Pulizija b’dan il-każ.

Raymond Camilleri kien għadda ġuri u nstab ħati ta’ dan il-qtil. Madankollu l-ġurati kkonkludew li huwa kien aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu u għalhekk l-Imħallef kien ikkundannah sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

F’din il-kawża li fetħu l-qraba ta’ Christopher Camilleri, l-Imħallef Joseph Micallef qal li l-vittma kellu sehem minn dak li ġara minħabba li hedded lill-akkużat madankollu l-imġiba tal-ħati kienet spoporzjonata.

L-imħallef iddeċieda li l-qrabatal-vittma għandhom jingħataw €63,000 f’kumpens għal dan il-qtil.