€600,000 għal ħolqien u manutenzjoni ta’ spazji miftuħa fil-lokalitajiet

DOI - Omar Camilleri

Ġew imnieda żewġ skemi għall-kunsilli lokali b’investiment ta’ €600,000 .L-iskemi ser jiffinanzjaw il-ħolqien ta’ spazji miftuħa fiċ-ċentru tal-ibliet u tal-irħula kif ukoll finanzjament għall-manutenzjoni u għas-sostenn ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri li twettqu mill-gvern.

Tħabbar ukoll li għal sena oħra ser jingħataw fondi li jservu ta’ għajnuna biex issir il-manutenzjoni fuq proġetti infrastrutturali li jkunu twettqu mill-Gvern fil-komunitajiet. Filwaqt li l-gvern għandu l-għan u l-obbligu li jibqa’ jwettaq proġetti maġġuri, irid jiġi żgurat li dawn il-proġetti jibqgħu jiġu mantnuti b’mod regolari u b’mod li jkunu jixirqu lill-istess komunità.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera sostna li dawn l-iskemi huma mmirati sabiex ikomplu joħolqu ambjent aktar b’saħħtu bi spazji li n-nies verament jistgħu jgawdu. Sostna li l-gvern qed jinvesti b’mod dirett sabiex il-kwalità tal-ħajja tan-nies fl-irħula u fl-ibliet tinbidel b’mod pożittiv. Huwa spjega li dan l-investiment ser iwassal għal aktar spazji miftuħa li ser ifissru aktar arja nadifa, aktar użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, aktar siġar u arbuxelli, aktar użu ta’ teknoloġija kif ukoll jistgħu jservu bħala spazju għall-artisti u għat-talent artistiku lokali sabiex joħolqu installazzjonijiet artistiċi fil-qalba tal-lokalità.